Where your opinion counts

Il-popolazzjoni Maltija tinżamm għolja minħabba l-influss tal-barranin f’artna

Minn osservatur politiku

Joseph Muscat kien jippriedka li jrid jara lil Malta bħala pajjiż kosmopolitan u mid-dehra qed jirnexxielu. Fl-aħħar ċensiment nazzjonali li ġie pubblikat ftit tal-ġranet ilu, sirna nafu li wieħed minn kull ħames persuni li jgħixu f’pajjiżna huma ta’ nazzjonalita’ barranija. Dan in-numru tela’ b’ħames darbiet fl-aħħar għaxar snin, jiġifieri minn meta ħa l-pajjiż f’idejh il-Partit Laburista.

Fil-fatt 115,449 barrani kien qed jgħix ġo Malta. U dan minn 519,562 li kienet il-popolazzjoni f’Novembru tal-2021. Jirriżulta b’mod ċar li l-popolazzjoni f’dawn l-aħħar għaxar snin żdiedet bi ftit aktar minn 100,000 persuna. Sirna nafu wkoll li f’dawn l-aħħar mitt sena l-popolazzjoni f’pajjiżna rdoppjat.

Kull sena f’dawn l-aħħar għaxar snin ġew madwar għexieren ta’ eluf biex jgħixu f’pajjiżna. Fil-fatt huwa meqjuż li l-popolazzjoni żdiedet madwar 10,000 persuna kull sena. Informazzjoni oħra li qed jagħtina ċ-ċensiment hija li aktar minn nofs dawk li qed jiġu f’pajjiżna mhumiex ġejjien minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Ħaġa oħra importanti li ħarġet minn dan iċ-ċensiment hija li pajjiżna huwa l-aktar pajjiż fl-Ewropa li jospita popolazzjoni densa skont il-kobor tal-art li aħna għandna. U aktar kemm il-barranin jibqgħu jiġu f’pajjiżna d-densita ser tkompli tiżdied u s-sitwazzjoni tagħna ser tibqa’ tiddeterjora.

Għall-ewwel darba kemm ilhom isiru ċ-ċensimenti sirna nafu li f’pajjiżna wera li hawn iktar irġiel milli nisa. Dan jirriżulta minħabba l-influs ta’ barranin li aktar qed jiġu rġiel milli nisa f’pajjiżna. Dan xaqleb il-miżien tant li qed juri li hawn iktar irġiel, pjuttost żgħażagħ, li qed jgħixu f’Malta u Għawdex. Tant hu hekk li Malta spiċċat tkun meqjusa fost l-iktar popolazzjonijiet żagħżugħa fl-Ewropa.

Sirna nafu wkoll li madwar 82% tal-popolazzjoni jħaddnu r-reliġjon kattolika. Għandna ‘l fuq minn 17,000 persuna jħaddnu l-Islam u 16,000 ir-reliġjon Ortodossa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *