Id-Dar Ċentrali tal-PN saret ċimiterju

Minn osservatur politiku

Id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista saret qisha ċimiterju. Kważi ħadd ma hemm u ħadd ma jersaq ‘l hemm. Din ir-referenza qed issir għan-naħa tal-Partit Nazzjonalista u mhux in-naħa tal-medja li b’xi mod jew ieħor tara ftit nies deħlin minħabba r-radju u t-televiżjoni.

Bernard Grech ma għandu lil ħadd fis-segretarjat tiegħu. Filli segretarjat mobbi b’ruxmata nies, filli sparixxa kulħadd. Kull min irreżenja u telaq, ħadd ma daħal minn floku. Forsi hawn min jgħid li hekk sewwa ħalli jiffrankaw il-flus. Veru. Imma l-Partit Nazzjonalista b’xi mod jew ieħor irid ikompli għaddej jekk irid jibqa’ ħaj. U jekk ma jkun hemm ħadd min jaħdem fil-Partit, kif ser jimxi ‘l quddiem dan il-partit?

Donnu l-apatija li teżisti fil-partitarji ġiet riflessa ukoll f’dawk li jersqu lejn id-Dar Ċentrali. Saħansitra l-bieb prinċipali qed jinżamm magħluq, tant ma hu qed ikun hemm ħadd. Jiġifieri dan il-partit sar jirrifletti biss dak li jgħid il-Kap, is-Segretarju Ġenerali u s-Segretarju Amministrattiv. Fuq l-opinjoni ta’ dawn qed joqgħod il-Partit Nazzjonalista.

Jekk il-partit wasal f’din is-sitwazzjoni allura vera miss il-qiegħ. Kif jista’ jkun li partit li jifforma l-Oppożizzjoni jmexxi l-politika tiegħu fuq tlieta min-nies? Għaddejja kelma waħda fuq il-kapaċita’ tas-Segretarju Ġenerali u s-Segretarju Amministrattiv. Is-Segretarju Ġenerali għadu żgħir waqt li dak Amministrattiv għadu dieħel u allura jrid isib saqajh.

X’miżerja waqa’ fiha l-Partit Nazzjonalista!! Is-sitwazzjoni hija tal-biki u ma tantx qed tingħata xi indikazzjoni li l-affarijiet ser jittranġaw fi żmien qasir. Nispera li d-deputati qed jitolbu laqgħat tal-grupp parlamentari spiss biex forsi l-politika tiġi diskussa magħhom. Jekk ma hux qed isir dan allura bil-fors il-Partit Nazzjonalista jiftaqar fil-ħsibijiet tiegħu.

Ma jistax ikun li dak kollu li jinqala’ matul kull ġurnata jiġi afdat f’idejn ftit persuni. Ma jistax ikun li l-isfidi li jkollu kull partit jiġu diskussi biss ma’ tlieta min-nies u jġorruhom tlieta biss. Jeżistu okkażżjonijiet fejn deċiżjonijiet iridu jittieħdu malgħajr. Ma min qed jiddiskuti Dr Grech qabel ma jasal jieħu xi deċiżjoni? Jaf li bħalissa kulħadd qiegħed għassa tiegħu u jkun jaqbillu li qabel jieħu xi deċiżjoni jagħmel ċert li jkun iddiskutieha jew ħa parir dwarha. Min għandu widejn biex jisma’ ħa jisma’. Dawn huma d-domandi prinċipali li llum ħafna qed jagħmlu fil-PN.

2 thoughts on “Id-Dar Ċentrali tal-PN saret ċimiterju

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *