It-tweġiba tiegħi għall-artiklu ta’ James Debono tal-Malta Today

Minn Edwin Vassallo

James Debono għamel artiklu fil-Malta Today dwar x’inhuma l-problemi tal-Partit Nazzjonalista. Il-messaġġ tiegħi lill-sħabi t-tesserati huwa li jridu jittieħdu d-deċiżjonijiet biex dan il-partit jerġa’ jkun il-forza politika ġewwa Malta favur il-bniedem u dinjita’ tiegħu. Dan dak li nfisser meta jien nikteb li l-PN irid ikun forza favur iż-żgħir. Inkella ser jibqa’ kif inhu forza li tibża’ miż-żgħir biex tieħu ħsieb lill-kbir.

Mela f’dan il-partit iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet. Imma dan ifisser li f’dan il-partit irid ikun hemm nies li lesti biex iħammġu idejhom, mhux bil-ħmieġ tal-korruzzjoni imma bl-għajta għall-ġustizzja. Bil-ħmieġ tal-korruzzjoni ħa jħammeġ idejh il-Labour. Mela hawn qed nirreferi għal dak li għal-loġika tal-lum huwa l-ħmieġ, l-iskumdita’ tal-umilita’ li tifhem li trid isservi u dan ifisser li dan il-partit irid jibda’ hu jfittex lin-nies biex jaqdihom. Dan il-partit irid imur u jfittex in-nies li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħu. Dan il-partit irid jibda’ billi jitkellem u jsawwar politika fuq il-ħtiġijiet tan-nies, speċalment taż-żgħir.

Nerġa’ ngħid, li dan il-partit irid jibda’ jitkellem f’isem iż-żgħir u mhux jibqa’ jibża’ miż-żgħir. Dan il-partit jinsab f’mument ta’ deċiżjoni importanti fl-eżistenza tiegħu. Għandu għażla x’jagħmel u ma jridx idum biex jieħu din d-deċiżjoni. In-nies hemm barra ftit jimpuratahom jekk isejjaħx lilu nnifsu Partit Konservattiv jew Liberali. Dak li n-nies jimpurtahom huwa li meta jiġu bżonnu, iħossuhom milqugħa. Iħossuhom li huma qed jitkellmu ma’ min jimpurtah minnhom.

Jekk irid jibqa’ l-partit taż-żgħir li jħares id-dinjita’ tal-bniedem, mela għandu jżomm il-valuri li għandu fl-istatut u ma’ dawk il-valuri jerġa jinkludi l-valur tal-familja. Jekk irid li jibqa’ jimpurtah min-nies, irid jibqa’ jemmen fil-valur tal-ġid komuni.

Jekk din mhix aktar triqtu allura jrid jibdel l-istatut u jagħżel li jsawwar politika tas-suq ta’ fejn jaqbel tqabbel. Hekk qiegħed jgħidlu James Debono biex jagħmel. Xejn ġdid. Triq li ilu jipprova jimxi fih. Imma aktar ma jimxi fiha aktar qed ikompli jitlef.

Issa f’idejn il-partitarji. Jekk iridu jistgħu jkomplu fi triq tal-politika ta’ diżumanizzazjoni. Mingħajr il-valuri soċjali u umani, dak hu d-destin ta’ dan il-poplu tagħna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *