Il-każ tal-Perita tal-kuntrattur Joseph Portelli u chairperson tal-BCA, Maria Schembri Grima
Ma niflaħx nissaporti politiċi u media li hija “fake” mal-poplu tagħna. Il-karnival huwa l-waqt li fih nilbsu kostum li ma jkunx il-personalita’ vera tagħna. Fil-politika, il-karnival sar is-sena kollha u s-sinjali taż-żminijiet qed juru li l-poplu qed jintebaħ b’dan kollu. Mhux ta’ b’xejn dan il-pajjiż qed isofri minn defiċit ta’ fiduċja, u dan id-deficit qiegħed jikber u mhux jonqos.
Jekk hemm prova ta’ dan li qed ngħid hija l-istorja li qed tiddomina l-aħbarijiet bħalissa dwar ir-reżenja taċ-chairperson tal-Bord tal-BCA, Maria Schembri Grima. Mela l-politiċi qalulna li waqqfu din l-awtorita’ ġdida tal-bini biex tipproteġi lilna ċ-ċittadini mill-kuntratturi li ma jaħdmux sew. Ovvjament minħabba t-twaqqif ta’ din l-awtorita’, iċ-ċittadini spiċċaw jidħlu fi spejjeż aktar biex ikollhom l-applikazzjoni tagħhom approvata. Għaliex wara l-martirju li jridu jgħaddu minnu fil-Planning Authority, issa għandhom martirju ieħor għaliex l-applikazzjoni trid tkun vetted minn din l-awtorita’. Imma l-gvern qalilna li dan kollu qed isir għall-ġid tagħna ċ-ċittadini. Infakkar li din l-awtorita’ twaqqfet minħabba numru ta’ inċidenti gravi li ġraw fuq siti ta’ kostruzzjoni fejn anki mietu n-nies. Mela din kellha tkun awtorita’ li tipproteġina.

Minflok x’għamlu l-politiċi? Qegħdu bħala chairperson perita li hija l-perita tal-kuntrattur Għawdxi Joseph Portelli. Ma għandi xejn kontra li din il-mara taħdem ma’ Joseph Portelli. Imma jidher ċar li dan jikkostitwixxi mhux biss konflitt ċar ta’ interess, imma wkoll li din l-awtorita’ mhux vera ġiet ikkreata biex tipproteġi liċ-ċittadini mill-abbużi tal-kuntratturi. Kieku chairperson ma kinetx tintgħażel persuna li taħdem ma’ kuntrattur.
Mela l-politiċi ma ddejqux jappuntaw persuna b’kunflitt ċar ta’ interess. Dan hu tal-mistħija. Infakkar li l-BCA suppost għandha rowl ta’ regolatur. Anzi ninsab sorpriż pożittivament li kellna din ir-reżenja. Fi kliem ieħor Maria Schembri Grima rreżenjat. Imma din tidher li ma ġietx grazzi għall-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti jew minħabba l-pressjoni tal-media, imma minħabba r-rowl li ħadet il-Kamra tal-Periti fuq dan il-każ.

Infakkar li f’dan il-każ kellna l-waqa’ ta’ ħajt u wieħed jirringrazzja ‘l Alla ma weġġa’ ħadd. Anzi skont l-president tal-Kamra tal-Periti informazzjoni importanti li suppost qegħda fuq il-Website tal-Planning Authority ma għadhiex aktar tidher. Sparixxiet!

Huwa ċar ta’ kif qed jiġru l-affarijiet li din l-persuna hija mara protetta u tidher li hija persuna ta’ ġewwa biex setgħet tikser ir-regoli tagħha stess u informazzjoni sensittiva tisparixxi. Għax żgur li kien hemm ksur tar-regoli biex waqa’ dan il-ħajt. Ma għandix dubju li l-ġurnalisti kienu jafu bil-qrubija ta’ din il-perita’ ma’ Joseph Portelli, imma l-istess ġurnalisti tagħna jew qegħdin fil-qamar jew mixtrija.
Din hija storja oħra li l-liberaliżmu ekonomiku jaċċetta bħala ħbieb tiegħu dawk biss li lesti jaqdu l-interessi ta’ min hu b’saħħtu. Jien kollox lest li naċċetta fil-ħajja iżda ma niflaħx nissaporti media li hija fake mal-poplu tagħna. Il-media li trid tkun l-oraklu tal-verita’ u trid tgħid kollox. Nieħu gost li l-Kamra tal-Periti tkellmet kif tkellmet fuq dan il-każ.