Illum inbiddlet id-diska u l-argument huwa li kap għandu jibqa’ anki jekk iffaċċjat b’surveys disastrużi.

Minn osservatur politiku

Waħda mill-kelliema fil-Kunsill Ġenerali li organizza l-Partit Nazzjonalista kienet Mary Anne Lauri. Din hija l-President tar-Riċerka tal-Partit Nazzjonalista u qalet li ngħaqdet mal-Partit Nazzjonalista għax għandha fiduċja u tama li l-Partit Nazzjonalista ser jerġa’ jkun dak li jwettaq il-ġid fil-pajjiż.

L-aktar li laqgħatni fid-diskors tagħha hija meta tkellmet fuq is-surveys. Hija qalet li ilha tgħallem ir-riċerka aktar minn tletin sena u allura tħoss li tista’ titkellem fuq surveys. Spjegat li s-surveys ma jagħtux ritratt imma jagħtuk indikazzjoni. Qalet li f’kull survey hemm dak li jissejjaħ ‘margin of error’ u dan ikun ta’ 3%. Allura meta naqraw survey irridu niftakru li l-figuri jistgħu jinbidlu b’3% l-isfel jew ‘l fuq. Imma jien nixtieq infakkarha li d-differenza illum bejn iż-żewġ partiti telgħet għal 57,000 vot. Mela jekk tnaqqas dan il-margin of error ta’ 3%, xorta l-Lejber għandu rebħa kbira fuq il-PN u l-PN għandu telfa aktar disastruża minn dik tat-2022!

Hija kompliet hekk “ejja ma ngħaġlux nieħdu deċiżjonijiet fuq is-surveys, ejja nkunu bil-għaqal. Noħduhom id-deċiżjonijiet, nieħdu d-deċiżjonijiet kollha li hemm bżonn bil-mod, bil-għaqal”.

U f’din is-sentenza għandna r-raġuni politika għala qed isir dan l-argument tal-margin of error li ma kienx isir meta kien ikun hemm surveys ħżiena fi żmien Adrian Delia. Issa qed jintalab biex kull min iħares lejn survey, iħares lejh b’intelliġenza. Illum qed jintalab li ħadd ma jgħaġġel u jieħu xi deċiżjoni. Issa qed jgħidulhom biex ikunu bil-għaqal. Ara dan il-parir qatt ma ngħata meta kien hemm Adrian Delia kap. Infakkar li Mary Anne Lauri kienet fil-klikka ta’ dawk id-deputati u l-ħbieb tagħhom li kienu jużaw is-surveys ħalli jdawru lill-partitarji kontra l-kap tagħhom stess. Hi ġa kienet fil-partit f’dik il-ħabta. Ħasra li dan l-argument ma għamlitux f’dak iż-żmien.

Mary Anne Lauri taf sewwa x’ġara meta kien hemm surveys li wrew riżultati ħżiena fi żmien Adrian Delia. Issa daħlet fil-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u qed titlob lil kulħadd biex jikkalma u biex ma tintalabx xi tip ta’ azzjoni bħal per eżempju li jwarrab il-kap. Ovvjament dan qed tgħidu għaliex hemm pressjoni interna biex Bernard Grech iwarrab.

Mela Lauri kienet qed twassal messaġġ li mhux sewwa li minħabba s-surveys kif inhuma tintalab ir-riżenja tal-kap preżenti. Hija qed tagħmel ħilitha biex Bernard Grech ma jitlifx postu minħabba r-riżultati li qed juru s-surveys li qed jagħtu l-agħar indikazzjonijiet minn snin ‘l hawn.

Waqt li nista’ nifhem għala Lauri qed tgħid li politikament mhux il-waqt li jinbidel kap, bit-tama li Roberta Metsola tieħu over wara l-elezzjonijiet Ewropej – dejjem jekk ma jkollhiex xi kariga fi Brussels – wieħed ma jistax ma jinnutax l-ipokrezija li qed tintuża llum u kemm ir-Repubblichini u n-nies li huma fil-klikka tagħhom ħadmu b’mod maħmuġ u b’ingann kontra l-kap preċedenti tal-Partit Nazzjonalista. Hija din l-ipokrezija u l-arroganza li qed iżżomm lill-PN milli jimxi ‘l quddiem.

One thought on “Illum inbiddlet id-diska u l-argument huwa li kap għandu jibqa’ anki jekk iffaċċjat b’surveys disastrużi.

  1. L-aqwa survey sar fis 26 ta’ Marzu 2022 u kien konsistenti ma surveys oħra li kienu jaghtu indikazzjoni biss u bil margins of error kollha.
    Bernard Grech kien minghaliħ li ghandu maggoranza silenzjuza lesta biex taghtiħ appoġġ.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *