Min xarbu qed jieklu l-bakkaljaw! Għaliex il-PN mhux qed isib nies biex joqogħdu fuq il-Kumitati Sezzjonali?
Minn eks-Membru ta’ Kumitat Sezzjonali PN
Ilbieraħ ħadt gost naqra fuq dan is-sit x’kiteb l-Osservatur Politiku dwar l-intervent li għamlet Doris Zammit, President Kumitat Qormi u kunsilliera PN fuq Ħal Qormi. Nixtieq inżid dan li ġej. Hija wkoll preżentatriċi fuq t-televiżżjoni u l-mara ta’ eks-uffiċjal għoli fil-pulizija. Imma fuq kollox hija persuna li taħdem fis-segretarjat ta’ Bernard Grech. Fi kliem ieħor waħda mis-segretarji tiegħu u kienet warajh fil-kampanja u fil-ġlieda biex isir kap.
U veru kif jgħid il-Malti, li min xarbu qed jieklu l-bakkaljaw. Għeżież Bernard, Ryan u Doris. Jien kont attiv ħafna fil-Partit Nazzjonalista. Kont anki membru ta’ wieħed mill-kumitati sezzjonali imma kelli problema żgħira. Jien kont u għadni ma’ Adrian Delia. Forsi wieħed jgħidli b’daqshekk x’hemm ħażin? Suppost li xejn. Imma nixtieq infakkar lil Bernard Grech, li llum qed jitkarrab għall-għaqda, li jien kont wieħed minn dawk li kelli nitlaq – tkeċċejt bil-pulit – mill-kumitat sezzjonali għaliex kont mitqies ta’ Adrian Delia.
Mela llum ma nistax nifhem għala Doris Zammit qed tinkwieta u tgħid li minn tmintax-il membru fuq il-kumitat sezzjonali, l-anqas erbgħa ma għadek issib. Mela nsejt Doris Zammit, kemm ġejna mgħajrin aħna, għax konna ta’ Adrian Delia? Kontu tqiesuna Nazzjonalisti impestati. Insejt l-inkwiet li kien inqala’ f’Bormla u fuq Tas-Sliema. Insejt il-purge kbira li kien għamel Bernard Grech wara li sar kap biex itajjar lil kull min kien mitqies ta’ Adrian Delia. Għażiża Doris, dan jien ma jien ser ninsieh qatt!
Infakkrek Doris, li int tlajt fuq il-kumitat sezzjonali tal-PN ta’ Ħal Qormi permess block vote li kien sar minn dawk mitqiesha bħala anti-Delia. U jekk insejt ħa nfakkrek ftit. Dan il-block vote kien ġie organizzat ġewwa Ħal Qormi minn Ryan Callus u Jerome Caruana Cilia eżattment wara li kien sar kap Bernard Grech. Mela għala llum qed tingħi li mhux qed issibu nies? Parir żgħir nagħtik. Meta tmur il-knisja, mur fittex waħda fejn fiha jsir quddis bil-Latin ħalli tkun tista tagħti fuq sidrek b’saħħa kbira waqt li tgħajjat b’leħen għoli, mea culpa, mea culpa, mea maxima culpa.
Infakkrek li inti kont parti minn grupp li għamel kampanja ta’ velenu u gideb kontra Adrian Delia u li dan il-grupp kien imbuttat minn Ryan Callus u sħabu. Int kont fil-kampanja kontra dawk li kienu baqgħu leali lejn Adrian Delia. Illum tibku għall-għaqda u għan-nies? Ħallina Doris! Missek bkejt għall-għaqda dakinhar meta kien qed isir dak il-gideb kollu kontra Adrian Delia biex ittajruh. Imma dak in-nhar, int Doris kont busy ma’ min ried jifred u jkeċċi lin-nies ġenwieni mill-Partit Nazzjonalista.
Infakkrek li wara l-elezzjoni ġenerali, int ġejt co-opted fil-kunsill lokali minflok Jerome Caruana Cilia. Infakkrek li inti ntgħażilt wara manuvrar biex jiġu mwarrba ismijiet validi oħra minn Ryan Callus, Jerome Carauna Cilia u Bernard Grech. Anke dakinhar ma ridtux nies li kienu leali lejn Adrian Delia jew mitqiesha bħala ta’ Adrian Delia.
Wara dak l-ethnic cleansing li għamiltu – għaliex dak li seħħ fil-Partit Nazzjonalista wara li Bernard Grech sar kap – u qaċċattu lil kull min kien jaħdem bla nifs fil-kumitati għax inzerta ta’ Adrian Delia, issa qed tindunaw li ma għandkomx nies biex taħdmu. Imma kif jgħidu l-Franċiżi tant pis!