It-tweġiba tiegħi lil Mario de Marco li jrid jibdel lill-PN f’Partit Liberali

Minn Edwin Vassallo

Meta l-PN ħa deċiżjoni li jsir wieħed liberali spiċċa ma jintgħarafx mil-Labour u minn dak iż-żmien ‘l hawn beda jitlef. Dan beda jseħħ b’mod partikolari fi żmien Lawrence Gonzi. Infakkar li minn żmien Gonzi, il-PN pprova jagħmel politika li togħġob lil ta’ The Times u għalhekk in-nies bagħtuh fl-Oppożizzjoni. Din kienet il-vera raġuni għala l-Lejber beda jerbaħ. Nixtieq infakkar li meta Mario de Marco kien viċi-kap, hu mexxa din il-politika liberali u pprova jogħġob lil ta’ The Times. U x’ġara? Il-PN kompla jitlef. Illum l-istess poplu, li skont l-istess de Marco huwa aktar liberali spiċċa bi kwart mill-elettorat ma għadx għandu fiduċja fil-politiċi.

Sinjuri politici tal-PN; ma taħsbux li “the writing is on the wall“? Bil-liberaliżmu kollu li pprova jilbes il-PN, bil-għajnuna ta’ The Times u l-ħbieb kollha elitisti li riedu l-PN ikun liberali, xorta waħda, dan il-partit baqa’ partit tellief? S’issa l-PN għandu ammistrazzjoni li temmen li żmien il-valuri spiċċa. U minn dak iż-żmien li l-PN beda jemmen hekk, baqa’ qatt ma ħa r-ruħ.

Bil-liberaliżmu u l-libertinaġġ kollu li qed ikollu jdaħħal Robert Abela, anki l-partit tiegħu qed jitlef il-voti. Mela mhux veru li bil-liberaliżmu u l-libertinaġġ ser terbaħ il-voti. Infakkar li kull nhar ta’ Ħadd, Robert Abela jgħid lill-folla li jkollu quddiemu li ż-żewġ partiti mhux l-istess. Iżda mhux dak li jgħid Robert Abela jiswa. Dak li jiswa huwa x’jgħidu u jaħsbu n-nies. Il-fatt huwa li għal ħafna Laburisti, iż-żewġ partiti spiċċaw l-istess, għaliex illum il-politika li qed jaraw fil-partit fil-gvern hija dik tal-arrogonza. Infakkar li kienet din il-politika tal-arroganza li tefgħet lill-Partit Nazzjonalista l-baħar. Infakkar li din il-politika tal-arroganza tmexxiet fil-PN mill-istess persuni li qed imexxu l-aġenda Woke u Liberali f’dan il-partit.

U x’inhi l-politika tal-arroganza? Il-politika tal-arroganza hija dik il-politika li ħadd ma jimpurtah miż-żgħir. Li ħadd ma jimpurtah min-nies. Anzi hija dik il-politika li tara lin-nies dubbien. Dan huwa l-liberaliżmu. Din hija l-politika li spiċċat temmen fil-kbir, fis-sinjuruni u mhux fin-nies. Din hija l-vera raġuni għala n-nies qed jitilqu lill-partiti politiċi. L-attendenza għall-attivitajiet politiċi qedha dejjem tonqos.

Li tkun Konservattiv ma fiha xejn ħażin. Jien nemmen li tkun politiku “fake” hija l-ħażin. Jien nistmerr politiċi fake, jiġifieri politiċi li jilbsu libsa b’mod u jkunu jemmnu b’mod ieħor. Issa jekk il- PN ma jridx jibqa’ Konservattiv għaliex skont Mario de Marco l-poplu huwa liberali, allura min irid ikun ġenwien miegħu nnifsu l-ewwel irid isejjaħ Kunsill Ġenerali ieħor ħalli jibdel l-istatut tal-PN, għaliex l-istatut tal-PN huwa statut ta’ partit Konservattiv.

Dak li nista’ ngħid li wara d-diskors tal-bieraħ ta’ Mario De Marco, jien sirt aktar nemmen li hemm futur inċert għall-Partit Nazzjonalista. Jekk xejn fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kellna konferma kemm il-politika Maltija nħakmet mill-arroganza tal-elitisti. Waqt li nieħu gost nara li l-kap tal-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi dan bħala fatt, stqarrijiet li saru waqt dan il-kunsill ikomplu jikkonfermaw l-attitudni li teżisti fost il-liberali li hemm fil-Partit Nazzjonalista li jaraw lil dawk ġenwieni li jikkritikaw il-politika woke u liberali ta’ dan il-partit dubbien.

Huwa dan il-liberaliżmu li qed iwassal biex il-poplu tagħna jitlef il-fiduċja fil-ġejjieni ta’ pajjiżu. Infakkar li skont l-aħħar survey, għandna kwart tal-poplu li tilef il-fiduċja fiż-żewġ partiti. Din l-emoroġija ta’ sfiduċja fil-politika hija riżultat tal-fatt li n-nies ma għadx għandhom fiduċja fl-awtoritajiet u l-istituzzjonjiet ta’ dan il-pajjiż għaliex l-istituzzjonijiet tagħna tilfu l-awtorita’ morali tagħhom.

Il-kriżi politika u demokratika ta’ pajjiżna hija waħda morali fejn il-flus, l-egoiżmu, l-individwaliżmu ħakmu u qed jġibu fix-xejn liż-żgħir. Huwa dawn il-weġġgħat li l-Partit Nazzjonalista jrid jindirizza jekk irid verament jagħti tama lill-poplu Malti. Għaliex meta kollox jibda jkun ivvalutat skont il-flus, il-bniedem jiġi ma jiswa xejn.

Kienet din il-politika liberali li wasslet biex il-PN spiċċa partit li jinstiga l-mibgħeda. Mela dak li hemm bżonn illum fil-PN huwa li dan il-partit jmur lura għall-prinċipji bażiċi tiegħu. Dan il-partit irid jerġa’ lura lejn il-politika li sservi lill-bniedem u mhux il-flus. Il-ġlieda wara min ikun kap hija ġlieda li ssir minn dawk li lesti jisfruttaw lill-poplu biex bħal kbar, igawdu huma u ż-żgħar iħallsu għaliha. Din hija l-loġika ta’ dawk li jridu jaħkmu fil-PN. Il-futur tal-PN ma għandux ikun deċiż mill-power mongers iżda mill-poplu. Finalment il-futur tal-PN huwa wkoll il-futur ta’ pajjiżna.

Mela dak li jeħtieġ pajjiżna hija politika Konservattiva li temmen u jimpurtaha min-nies u mhux politika Liberali li tuża lin-nies u tarmi lin-nies wara li tinqeda bihom. Dan huwa l-qofol tal-politika Liberali għaliex il-politika liberali għan wieħed għandha – dak tal-alla tal-flus u fejn jidħlu l-flus, the end justifies the means.

3 thoughts on “It-tweġiba tiegħi lil Mario de Marco li jrid jibdel lill-PN f’Partit Liberali

  1. Mela insew X kien issuggerixxa profs Oliver frontier lil partit. Jekk tbieghaw ruhkhom titilfu l identity kollha

  2. Sirna :pride Island.
    Cannabis Island.
    Bitcoin Island.
    Wild construction Island.
    Breaking the rule of law since 1990 Island.
    Making parliament house into a masonic lodge Island.
    Public Account Committee undermining civil courts Island. Etc. Etc. Hiding of the frame-up inquiry on Karm Grima by Dr. EFA, and politically involved incidents hide-outs are the norm.
    The PN must go back to Borg Olivier days and ideals of Religio et patria must be their future to oppose and not to follow on the same lines of those who govern. They must expose the Muscat Azzoppardi Inquiry on the frame-up of Karm Grima which Dr EFA hid way back in 1994 and face the consequences or offer compensation to close all and clear Grima Karm’s name.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *