Illum iltaqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-PN f’atmosfera tqila, attendenza fqira, kakofonija ta’ messaġġi u diżastru f’dik li hija PR u kommunikazzjoni
Illum iltaqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Anki jekk bħala persuna ma kontx preżenti, kien jidher ċar, anki mir-reportaġġ li ntwera fuq it-TV mill-istess NET, li l-atmosfera kienet waħda tqila. Dak li kien jidher ċar li dan il-Kunsill Ġenerali kellu attendenza fjakka. L-attendenza tant kienet fqira li l-anqas kien hemm mitt ruħ. U fost dawn il-mitt ruħ, kien hemm id-deputati u xi kandidati li huwa normali li jattendu għal dan il-Kunsill Ġenerali. Fuq it-Television kienu jidhru l-istess uċuh.
Il-Kunsill Ġenerali kien immexxi minn Mark Anthony Sammut li bħalissa huwa l-president tal-istess Kunsill. Mark Anthony Sammut kien wieħed minn dawk li kisser lill-Partit Nazzjonalista u ġabu f’dan l-istat disastruż li qiegħed fih illum fejn bilkemm jattendu mitt ruħ għas-seduta tal-għeluq tal-Kunsill Ġenerali. Persuna oħra li kienet preżenti għal dan il-kunsill kienet Louis Galea. Inqabad f’shot waqt l-ewwel minuti tad-diskors tas-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino. Din hija konferma li Louis Galea għadu hemm iħawwad il-borma.
It-tema ta’ dan il-Kunsill kienet dik tal-fiduċja u tat-tama. Imma naħseb li llum aktar minn qatt qabel jgħodd il-qawl Malti li min jgħix bit-tama jmut bil-piena! Għala qed ngħid dan? Wieħed għandu jisma’ d-diskorsi li saru. Kienu diskorsi surreali, medjokri, inkonsistenti u konfużi.
F’diskors minnhom intqal x’fiduċja jista’ jkollok fil-gvern meta dan l-istess gvern faqa’ r-raħal ta’ Birżebbuġa bil-barranin. Hawn għandna l-ewwel konfużjoni għaliex Bernard Grech kien jgħid li Malta mhux full up u llum, hemm min qed jgħid li hija full up. Infakkar li min qal hekk kien appoġġja lil Bernard Grech meta tkellem li Malta mhux full up. Fuq kollox, x’inhi llum il-politika tal-PN fuq l-immigrazzjoni? Infakkar li meta Adrian Delia kien kap u kien għamel mistoqsijiet dwar il-ħafna barranin li kien hawn f’pajjiżna, ġie mgħajjar razzista. Issa dawk li kienu għajru razzista ser jikkummentaw fuq dan it-tibdil ta’ politika fil-PN?
Imbagħad kien hemm id-diskors ta’ Mary Anne Lauri. Fid-diskors tagħha tkellmet dwar dawk li telqu mill-PN biex marru mal-PL. Lauri sejħitilhom opportunisti. Hija kompliet tgħajjar lil dawk li telqu mill-PN bħala beżżiegħa, armchair critics, negattivi etċ. Jidher li Lauri taqra l-artikli ta’ dan is-sit għaliex qalet li hemm “dawk li jikkritikaw u jaħsbu li jafu kollox”. Jien ma nafx jekk nafx kollox, biss wieħed għandu jħares lejn il-qagħda tal-PN illum u jara f’liema stat ġabuh lil dan il-partit dawk l-istess strateġisti li daħħal Bernard Grech u tahom salarji ta’ eluf kbar ta’ euros fis-sena! Nawgura lil Mary Ann Lauri ma tkomplix fuq din il-linja li qabdu l-istrateġisti ta’ qabilha.
Imbagħad kien hemm id-diskors ta’ Bernard Grech fejn qal li bħala partit għadna m’aħniex organizzati u m’aħniex magħqudin. Mela waqt li Mary Ann Lauri maqdret lil dawk li qed jikkritikaw minn ġewwa, Bernard Grech qal li hu ċert li flimkien, il-PN jista’ jagħmel l-avvanzi. Hu qal li l-PN irid jibdel l-attitudni ta’ kif iħares minn fuq lejn in-nies. Dan jikkontrasja mal-mod kif tkellmet Mary Ann Lauri. Ma hemmx dubju li fl-għaqda hemm is-saħħa. Imma nixtieq infakkar lil Bernard Grech li hu tela’ bl-għajta tal-għaqda u issa jidher ċar li ma rnexxilux iġibha fil-Partit Nazzjonalista. Anzi llum dan il-partit jinsab aktar frantumat u mkisser minn qatt qabel u diskors bħala ta’ Mary Ann Lauri żgur ma jawgurawx tajjeb għall-għaqda fil-PN.
Imma naħseb li Bernard Grech għandu jerġa’ jisma’ x’qalet Mary Ann Lauri għaliex naħseb aktar għamlet deni bid-diskors tagħha milli ġid. Kompliet tagħti l-impressjoni li l-PN huwa l-partit tal-arroganza. Minflok apprezzat lil min jikkritika għaliex jixtieq il-ġid lil dan il-partit, spiċċat jgħajjarhom. Tal-One spiċċaw jagħmlu xalata b’din in-negattivita kollha li ħarġet f’dan il-Kunsill Ġenerali.

Bħal li kieku, illum biex tkun professjonali trid tħaddan il-politika Woke li dawn il-professjonisti li għandu l-PN iridu jimponu fuq dan il-partit. Dak li nista’ ngħid lil Mary Ann Lauri, li l-istrateġisti u l-professjonisti tagħha, wasslu biex il-gap bejn iż-żewġ partiti kompla jikber u llum it-tieni l-akbar partit sar dak tan-non-voters.
Imbagħad kellna d-diskors ta’ Beppe Fenech Adami. Diskors fl-arja. Qabad il-frażi ta’ I have a dream u biddilha li għandu tama li l-PN ser ikun fil-gvern u l-poplu ser jifhmu. Dan kien wieħed minn dawk li ħadem biex itajjar lil Adrian Delia minn kap tal-partit għaliex dan tal-aħħar ħareġ fuq id-distrett tiegħu!
Imma ċ-ċirasa fuq il-cake kien d-diskors ta’ Mario de Marco. De Marco tkellem li l-PN kien marbut għal diċenji mal-fiduċja u tama li kienu t-temi ta’ dan il-Kunsill Ġenerali. Imma llum dan il-partit ma għadux jispira fiduċja u l-anqas joffri tama għall-ħajja aħjar. Ovvjament, tan-Net ippruvaw jagħtu angolatura għaliex l-istatement li Mario De Marco għamel dwar il-fiduċja u t-tama ma kienux sbieħ. B’hekk l-emfasi tan-NET TV kien fuq il-fatt li ma hemmx bżonn tkun konservattiv biex tkun kontra l-abort. Nixtieq nistaqsi minn mindu tkun konservattivi hija xi ħaġa ħażina fil-politika? Għaliex dan hu l-messaġġ li Demarco bagħat fid-diskors tiegħu. Kontra dak li jaħseb De Marco, tkun konservattiv ifisser li tħobb lill-pajjiżek u lill-poplu Malti. Li tkun Konservattiv ifisser li int m’intx persuna li titqaħħab għal flus jew għal xi salarju fenominali ġewwa Brussel. Li tkun Konservattiv ifisser li inti ma tinxtarax mill-Kummissjoni Ewropea biex tmexxi aġendi tal-woke. Li tkun Konservattiv ifisser li tistaqsi dwar il-vaċċini u kif mill-flus ġġenerati minnhom, qed titħallas il-politiku tal-ġeneru u l-propaganda fuq l-abort. Li tkun konservattiv tfisser li ma tagħmilx ħsara lill-poplu Malti.
Imsomma kien Kunsill Ġenerali ta’ kakofonija ta’ messaġġi. Dak li wieħed jista’ jżid li dan kien Kunsill Ġenerali diżastruz f’dik li hija kommunikazzjoni medjatika. Minflok twasslu messaġġi ta’ tama u fiduċja aktar twassal il-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partiti tal-headless chickens fejn l-arroganza għadha tirrenja!
