Ix-Xandir tal-Istat u dawk tal-partiti politiċi; x’inhi t-triq ‘il quddiem?
Minn Osservatur Politiku
Għadna kif kellna esperjenza kerha ta’ kif jimxi x-xandir tal-iStat. Dan naqas li jirrapporta aħbar li kienet negattiva għall-gvern tal-ġurnata. Din kienet tittratta l-indiċi tal-korruzzjoni. Kieku ma kienx l-intervent ta’ deputat nazzjonalista kieku kienu jibqgħu fil-muta. Dan mhux mistenni minn xandir tal-istat li huwa mħallas minn flus il-poplu kollu. Dan ix-xandir ma jistax ikun partiġġjan imma jrid jagħmel ħiltu biex ikun imparzjali u jittrasmetti kull aħbar mingħajr kontenut partiġġjan.
Hemm bżonn ta’ ħsibijiet ġodda dwar kif jitmexxa x-xandir pubbliku. Irid jinqata’ u jidher li qed jinqata’ mit-tmexxija tal-gvern tal-ġurnata. Ma jistax ikun li nibqgħu nisimgħu biss l-aħbar li tkun ta’ ġid għall-partit fil-gvern. Din hija linja ta’ ħsieb li twassal lejn id-dittatura meta nafu li m’aħniex hekk f’pajjiżna. Jista’ jkun ukoll li l-istazzjonjiet tal-partiti prinċipali mhux qed jgħinu is-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum.
Il-Partit Nazzjonalista jrid iwassal il-messaġġ tiegħu fuq l-istazzjon tiegħu għax ix-xandir nazzjonali donnu mhux komdu li jwassal l-aħbar li toħroġ minn dan il-partit. Filwaqt li l-Partit Laburista għandu kemm l-istazzjon tiegħu kif ukoll ix-xandir tal-iStat li hu maħkum taħt idejh biex ixandar l-aħbarijiet tiegħu. Teżisti problema oħra li kieku mhijiex serja hija tad-daħq. Meta tisma’ l-aħbar fuq NET news u tisma’ l-istess suġġett fuq il-ONE news, taħseb li qed tgħix f’dinja differenti. Tant jagħtu aħbarijiet partiġġjani li tiddubita kemm minnhom ikunu qed jgħidu l-verita’.
U huwa għalhekk li dawn l-istazzjonijiet politiċi mhux jgħinu fix-xandir u qed iwasslu biex anke huma jkunu qed joħolqu problemi biex tissaħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna. Hemm min mhux ser jieħu pjaċir li jikkonsidra l-għeluq tax-xandir mill-partiti politiċi. Hemm min jinqaras li ssemmi li dawn iż-żewġ stazzjonjiet għandhom jagħlqu. Jien nemmen li dawn għandhom jibqgħu. Imma l-istazzjonijiet privati għandhom jingħataw l-istess trattament tal-istazzjonijiet politiċi.
Hemm bżonn li x-xandir tal-iStat ikollu theżżiża kbira biex isir verament stazzjon indipendenti u mhux maħkum mill-Gvern tal-ġurnata. Ma jistax ikun li nibqgħu nisimgħu aħbarijiet fuq ix-xandir nazzjonali li jxaqleb l-aħbar li jkun irid iwassal il-gvern. Irid jinfatam għal kollox mill-partiti politiċi u jwassal xandir li hu verament pubbliku u nazzjonali.
La x-xandir nazzjonali huwa mħallas minn flus il-poplu dan huwa fid-dover li jxandar mingħajr ma jkun partiġġjan. Għandu jkun xandir li jwassal aħbarijiet veritieri li ma jkollokx għalfejn taħseb li qed inaqqas jew iżid l-aħbar biex jaġevola xi partit jew ieħor. Dan għandu jiġi rifless fil-kostituzzjoni biex l-amministrazzjoni tax-xandir pubbliku jkunu vera indipendenti u ma jkollomx x’jaqsmu ma’ partit jew ieħor.
