It-tweġiba tiegħi lil Kurt Sansone għall-kumment tiegħu fuq is-survey li sar u l-abort

Minn Edwin Vassallo

Bħal issa qed nisimgħu kummenti bla konsistenza minn ġurnalisti u attivisti favur l-abort u oħrajn li huma favur il-gvern. Ġurnalisti ta’ tendenza liberali qed jattakkaw lill-PN b’nuqqas ta’ leadership. Dan hu argument politiku li kull ġurnalist jista’ jagħmel. Dan l-argument rajnieh il-Ħadd li għadda fuq OneNews fejn Kurt Sansone kien qed ikun intervistat minn Charlon Gouder dwar is-survey li l-istess Kurt Sansone kien ippubblika dak in-nhar fuq il-Malta Today. Mela waqt din l-intervista dan il-ġurnalista ta l-opinjoni tiegħu fuq dan is-survey ippubblikat il-Ħadd 5 ta’ Frar 2023 u skont hu, ir-riżultat ta’ survey ma kienx effettwat mid-dibatittu fuq l-abort. Sa hawn mhux problema. Ġurnalist għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Imma dlonk, wara li jagħmel din l-affermazzjoni beda jattakka lill-PN fuq l-issue tal-abort. Fi kliem ieħor ma baqax ġurnalista u sar attivista.

Dan l-argument ta’ dan il-ġurnalist juri kemm ma hemmx konsistenza fl-argumenti minn ċertu naħa tal-media u dan jitfa’ dubju fuq l-intenzjonijiet wara ċertu surveys. Dik hija l-mentalita’ u loġika tal-liberali li jien niddiskriviha bħala “the end justifies the means“. L-importanti li tasal fejn trid tasal u ma jimpurtax kif. Hekk jirraġunaw il-liberali għaliex f’loġika li fiha ma hemmx rispett lejn il-verita’, ma jkunx hemm responsabbilita’ lejn min ikun qed jisma’ jew jaqra.

F’din l-intervista, tara żewġ ġurnalisti jikkritikaw lill-PN fir-rigward tad-dibattitu tal-abort. U jidher ċar li f’dan id-dibattitu ma hawnx konvinzjoni iżda konvenjenza. Dak argument li nista’ nagħmel jien u kull min irid jgħaddi kumment politiku dwar il-PN. Iżda żgur mhux ġurnalisti li kienu wara stħarriġ ta’ survey. Min jagħmel survey ma jistax jitkellem fuq “konvenjenza”. Allura fejn hija l-professjonalista wara dan is-survey? Jidher ċar li din kienet intervista magħmula għall-konvenjenza. Iżjed u iżjed, meta bl-argument tagħhom spiċċaw jaslu għall-konklużjoni li skont huma, ladarba gvern jilleġiżla għall-kulħadd jkollu jilleġiżla favur l-abort. Infakkar li l-Faxxisti, in-Nażisti u l-iStalinjani hekk kienu jargumentaw u jgħidu li qed jilleġislaw għall-kulħadd.

Dak raġunar li dawn il-ġurnalisti liberali jużawh għall-konvjenza fejn jaqblilhom. Dan li qed nattakka b’dan l-artiklu tiegħi, mhux lill-ġurnalisti imma l-argumenti tagħhom u n-nuqqas ta’ konvinzjoni u rispett lejn il-verita’. Kemm hemm każijiet fejn il gvern illeġizla skont kif qabel lilu u mhux fl-interess ta’ kulħadd bħal ma għadu kemm sar fil-liġi tal-mod kif jiġi appuntat il-Kummissarju tal-Istandards?

Illum qed tikber il-klassi ta’ nies li ma għandhomx bżonn il-politiku biex jaslu fejn jridu. Illum qed jiżdied in-numru ta’ dawk li ma jħossux il-bżonn ta’ alleanza lejn partit politiku u dan għaliex kważi ma hemm xejn in the long run x’jagħżel bejn partit politiku minn ieħor. Dan qed iwassal biex tkompli tiddaħħal l-indifferenza lejn x’jiġri f’dan il-pajjiż. U din l-indifferenza ser tikber fix-xena politika. Is-silenzju li hemm fl-universita’ f’dak li huwa dibattitu dwar x’qed iseħħ fil-qasam politiku u soċjali ser jibqa’ jissaħħaħ u dan kollu ser jfisser aktar u aktar indifferenza fil-ġejjieni ta’ pajjiżna.

Fiha innifisha din hija kriżi demokratika fejn issa l-politika, bħala istituzzjoni, qed tidher li mhux qed toffri soluzzjonijiet għall-poplu. Minflok li l-poplu ħareġ jipprotesta kontra dak li mhux jaqbel miegħu, issa l-poplu għażel li jagħti dahru lill-politiċi. L-uniku suġġett li ħareġ jipprotesta bi ħġaru kien kontra l-abort. Għalhekk aktar milli dan is-survey juri li l-abort ma kellux effett qed juri kemm hija kbira il-pjaga li nfetħet fejn f’pajjiżna fejn qed tonqos għalhekk il-fiduċja fl-awtorijiet politiċi tagħna. Finalment, l-ikbar riżultat li ħareġ minn dan is-survey u dan ammettitu l-Malta Today stess, kien il-fatt li l-partit tan-non-voters kiber.

Mela dan is survey qed jindika protesta ħarxa mimlija storbju ta’ silenzju. Il-poplu huwa sovran u ma jistax jibqa’ jingħata l-ġenb. Ma jistax jibqa’ jiġi mwarrab. Neħtieġu politika ġdida f’pajjiżna. Neħtieġu politika l-bogħod mil-liberaliżmu salvaġġ, il-bogħod minn dak kollu li l-ġurnaliżmu woke ilu jitma’ lin-nies. Il-poplu tagħna ma jridx aktar politiċi finta li jimpurtahom biss mil-laħma tal-politika. Issa li twarrbu l-valuri, din il-laħma sar jisimha biss flus.

One thought on “It-tweġiba tiegħi lil Kurt Sansone għall-kumment tiegħu fuq is-survey li sar u l-abort

  1. Komplu ‘ġġieldu’ kontra min irid jilleġiżla favur l-abort..
    Dan suġġett li ma kienx fil- programm elettorali Tal Partit fil- gvern u qed jitmejjel b min ivvutalu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *