Huwa sew li l-ilma tal-pjan, jiġifieri tax-xorb jintuża biex jitħalla mal-konkos?
Minn osservatur politiku
Ftit tal-ġimgħat ilu, f’dan is-sit tkellimna dwar meta s-CEO tal-Group Farsons, Norman Aquilina, ħareġ jikkritika l-industrija tal-kostruzzjoni. Dakinhar fakkarnieh li l-industrija li tagħha hu u l-kumpanija li jaħdem magħha huma leaders, ilha snin twal tapprofitta ruħha mill-ilma tal-pjan biex ittellgħu u terġa tbiegħu bil-għali.
Issa grazzi għall-membru parlamentari Nazzjonalista Stanley Zammit, għandna l-prova ta’ kemm ilha tpappieha l-industrija tax-xorb f’Malta. Minn mistoqsija Parlamentari skoprejna li f’sitt snin, b’kollox ittellgħu daqs 180 miljun flixkun tal-ilma mill-pjan. Mhux hekk biss, iżda skoprejna li t-teħiet tal-ilma tal-pjan għal-luminata żdied b’7 darbiet minn dak li kien fl-2016 biex issa jlaħħaq 36,300 metru kubu fis-sena.
L-ironija hi li Norman Aquilina kien qed jikkritika lill-kuntratturi li fuq kollox jidher li huma fl-istess negozju tat-teħiet tal-ilma. Dan għaliex irriżulta wkoll li l-industrija tal-kostruzzjoni ġibdet id-doppju tal-ilma tal-pjan li qed jieħdu dawk li jibbottiljaw l-ilma.
Wieħed jistagħġeb kif biex tħallat il-konkos qed jintuża ilma prezzjuż tal-pjan u mhux second class water. Dan hu falliment ieħor tal-gvernijiet ta’ Gonzi, Muscat u Abela. Għaliex waqt li fuq naħa imqabbdin mal-bdiewa u r-raħħala Maltin li jkollhom xi bore hole fl-għalqa biex isaqqu, waqt li lill-industrijalisti l-kbar dejjem ħallewhom jagħmlu li jridu.
L-iskuża li kienet tinġieb mill-lobbists tal-kummerċ kienet li dawn l-industriji jimpjegaw ħafna Maltin. Iżda illum wasal iż-żmien li nistudjaw kemm qed iħaddmu Maltin u kemm qed iħaddmu barranin bic-cheap labour. Għax probabbli m’għadux jagħmel sens meta jgħidu li l-ilma hu sussidju għall-impiegi.
Ma ninsewx li t-teħiet tal-ilma tal-pjan għall-profitti ifisser li biex ikollna ilma tajjeb fil-vit irridu nħaddmu iżjed l-impjanti tar-reverse osmosis li jdawwru l-ilma mielaħ f’ilma ħelu. Dan il-proċess jikkonsma ħafna enerġija u b’hekk il-kontijiet tagħna jiġu għolja iżjed minn ta’ pajjiżi oħra.
