Clyde Puli janaliża s-sitwazzjoni fil-PN u jitkellem dwar l-attakki interni li kien hemm kontra Adrian Delia

Minn osservatur politiku

Il-ONE News għoġobhom jagħtuna siltiet minn dak li qal l-eks-segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, meta kien qed janalizza l-gazzetti fuq ix-xandir tal-iStat. Is-Sur Puli qal li dak li joħroġ mill-istħarriġ ta’ nhar il-Ħadd li għadda qed juri qagħda ħażina fil-Partit Nazzjonalista u attribwixxa dan għall-mossi mhux mistennija li kienu għamlu l-grupp tal-blue heroes fl-2020 u qabel.

Puli jammetti li kull partit ikollu l-problemi tiegħu u dawn ilhom ġejjien fil-Partit Nazzjonalista. Imma dawn flok ġew solvuti, immultiplikaw bil-mossi żejda li għamlu dawk id-deputati u sħabhom li ħadu snin jattakkaw il-kap tagħhom. Dawn ma tawx iċ-ċans lil Adrian Delia jaħdem, imma kienu determinati li jneħħuh minn qabel ma’ sar il-kap tal-Partit Nazzjonalista. Dawn ma ħallew ebda okkażżjoni tgħaddi li ma joskurawx dak kollu li kien qed iressaq il-kap tagħhom.

Imma l-iżjed li ppuntaw fuqhom kienu r-riżultati ħżiena li kienu qed juru d-diversi stħarriġ li kienu qed isiru dak iż-żmien. Huma kienu jikkontendu li b’riżultati bħal dawk kienet ser tkun impossibbli li l-Partit Nazzjonalista jersaq qrib il-Partit Laburista jew addirettura jerbaħ l-elezzjoni ġenerali. Imma ż-żmien tana parir u kien kollu għalxejn li nbidlet it-tmexxija tal-partit.

Clyde Puli saħaq li dak li dawn l-attakki minn ġewwa fuq Adrian Delia matul it-tliet snin li kien kap kien żball kbir. Għax kif diġa’ ntqal ma jitneħħiex kap f’nofs leġislatura. Fil-fatt Puli jgħid “Jien nibqa’ ngħid li lanqas l-istatut ma kien jimmedita li tagħmel dik il-biċċa xogħol. Lanqas kienet tissemma fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.” Dawn il-movimenti li ġraw telfu l-istruttura tal-Partit Nazzjonalista.

U minn dan kollu l-Partit Nazzjonalista ma ggwadanja xejn. Fil-fatt Puli qal li riżultat ta’ dak li ġara fl-2020 il-partit tilef biss. Tant hu hekk li minn dak in-nhar sal-lum, saret elezzjoni ġenerali u kulħadd jaf x’kien ir-riżultat. Apparti dan kollu huwa kompla jitkellem fuq l-aħħar stħarriġ li kompla wera riżultati agħar minn dawk tal-elezzjoni ġenerali.

U għandu raġun Puli jgħid li b’dak li ġara l-Partit Nazzjonalista tilef ħafna nies. Fil-fatt l-elezzjoni ġenerali uriet li l-Partit Nazzjonalista tilef ħafna voti u allura jfisser u jikkonferma li dan il-partit mar lura u mhux ‘l quddiem bit-tibdiliet li saru. Intilfu ukoll ħafna elementi fil-Partit Nazzjonalista u b’riżultat ta’ dan qed jintilef ħafna l-appoġġ. Tant hu hekk li l-aħħar stħarriġ kompla poġġa lill-Partit Nazzjonalista f’sitwazzjoni mhux biss allarmanti imma wkoll medjokri u inaċċettabbli.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *