Il-Partit Nazzjonalista jagħmel nominazzjoni li tmur kontra l-istatut tiegħu stess
Il-media tal-Partit Nazzjonalista ħabbret li Stefan Caruana ser ikun innomitat mis-Segretarju Ġenerali biex jieħu post Rudolph Marmara li rreżenja mill-kariga li kellu. Mela Stefan Caruana ser ikun is-Segretarju Esekuttiv Organizzattiv il-ġdid.
Ma hemmx dubju li Stefan Caruana huwa persuna idonea u dejjem ħadem fil-Partit Nazzjonalista, anki jekk din in-nomina qajmet numru ta’ mistoqsijiet fid-Dar Ċentrali.

L-ewwel mistoqsija hija dik li din in-nomina tmur kontra l-istatut tal-Partit Nazzjonalista. 48.2 tal-istatut huwa ċar. Dik il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv Organizzativ ma tistax tkun membru parlamentari, kandidat għal xi elezzjoni jew kunsillier lokali. Issa Stefan Caruana huwa kemm kunsillier lokali u anki kandidat tal-elezzjoni ġenerali. B’hekk jekk il-Partit Nazzjonalista ried jimxi mal-istatut, Stefan Caruana ma setax jintgħażel. Bħalissa Stefan Caruana huwa l-minority leader Nazzjonalista ġewwa l-lokalita’ tal-Gudja u kandidat għall-elezzjoni ġenerali. B’hekk kif inhu l-istatut, l-ebda persuna għal din il-kariga ma tista’ tintgħażel minn fost il-kunsilliera u l-kandidati. Fi kliem ieħor, is-segretarju ġenerali ma setax jagħżel lil Stefan Caruana għal din il-kariga għaliex huwa kandidat u l-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista. Mela jekk l-Esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista jrid jimxi mal-istatut, ma jistax jaċċetta din in-nomina.

Wieħed irid iżid li fuq din il-lokalita’ minn fejn ġej Stefan Caruana hija wkoll il-lokalita’ ta’ Mark Anthony Sammut. Fid-Dar Ċentrali hemm min qiegħed jara f’din il-manuvra l-id moħbija ta’ Mark Anthony Sammut innifsu. Fi kliem ieħor, Mark Anthony Sammut qed jolqot ġebla waħda b’żewġ għasafar. Ser ikollu kompetitur inqas fuq id-distrett, għaliex jekk Stefan Caruana jieħu din il-kariga, ma jistax joħroġ bħala kandidat fl-elezzjoni ġenerali. Fi kliem ieħor jekk jiġi magħżul, Stefan Caruana ma jistax jibqa’ kandidat fuq ir-Raba’ Distrett u huwa wkoll obbligat li jirreżenja mill-Kunsill Lokali. Wieħed jippretendi li minn partit li jridha tar-rule of law, joqgħod għall-obbligazzjonijiet tal-istatut tiegħu stess.
It-tieni, Mark Anthony Sammut ser ikollu persuna tiegħu fl-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Infatti, l-għajta fid-Dar Ċentrali hija li Stefan Caruana ġie mbuttat minn Mark Anthony Sammut anki fid-dawl tal-iżviluppi li jistgħu jseħħu fir-rigward tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Infatti, hemm min qed jara wara din il-mossa, il-bidu tal-pjan biex jitneħħa Bernard Grech.
Din hija l-iSTQARRIJA PARTIT NAZZJONALISTA – 07/02/2023 – ippubblikata dwar STEFAN CARUANA għan-NOMINA BĦALA S-SEGRETARJU EŻEKUTTIV ORGANIZZATTIV IL-ĠDID
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino se jinnomina quddiem il-Kumitat Eżekuttiv lil Stefan Caruana bħala s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv il-ġdid.
Stefan hu għalliem tal-mużika u l-istudji teatrali, kif ukoll il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Gudja. Ikkontesta wkoll l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Hu għandu għal qalbu l-volontarjat, partikolarment fost iż-żgħażagħ.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil Rudolph Marmara, li min-naħa tiegħu se jibqa’ jservi f’din il-kariga sakemm ikun ikkonfermat Stefan Caruana.