Edwin Vassallo jikteb ittra miftuħa fiż-żgħażagħ

Il-Ħadd li għadda, Edwin Vassallo ppubblika ittra miftuħa liż-żgħażagħ. Dan għamlu għaliex jemmen li f’dan il-pajjiż, iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jerġgħu jagħtuh lura t-tama. Għalhekk kiteb din l-ittra miftuħa liż-żgħażagħ bit-tama li jagħmilhom kuraġġ jisfidaw il-medikjorita’, l-indifferenza u l-egoiżmu li ħakem lill- pajjiżna.

Vassallo jħoss li l-qtigħ ta’ qalb illum qed jaħkem kull kantuniera ta’ pajjiżna. Il-qtigħ ta’ qalb daħal f’kull dar u qed jifni lill-kull familja. Iż-żgħażagħ qed jaqtgħu qalbhom mill-ġejjieni ta’ pajjiżhom stess. Il-ġenituri ma jifilħux ikollhom it-tieni wild. Pajjiżna qiegħed fi kriżi minħabba nuqqas ta’ twelid.

B’hekk Vassallo kiteb liż-żgħażagħ biex jagħmlilhom kuraġġ biex ma jaqtgħux qalbhom. Hu kiteb liż-żgħażagħ biex jirribellaw quddiem sistema politika li qatt daqs illum ma kienet ta’ theddida għall-ħajja, il-familja u l-liberta’. Hu kiteb din l-ittra għaliex jemmen li kull persuna għandha talent, ħila u jifhem li kull persuna għandha l-ġlieda tagħha x’tagħmel.

Minkejja dan kollu, irridu nifhmu li hemm battalja x’niġġieldu f’isem il-familji tagħna, f’isem is-soċjeta’ u l-kommunita’ tagħna bħala poplu. Minn din il-ġlieda trid tqum soċjeta’ ġdida li fiha il-bniedem huwa stmat u meqjus aktar minn annimal. Din trid tkun il-battalja biex quddiem iI-kultura tal-mewt, insalvaw id- dinjita’ umana. Din hija l-battalja li qed jagħmel Edwin Vassallo f’pajjiżna. Għal Vassallo, din il-battalja trid issir issa qabel ma jkun tard wisq. Għalhekk importanti għal Vassallo liż-żgħażagħ jagħmlu kuraġġ u jaħdmu qatigħ biex isalvaw il-ġejjieni tagħhom stess.

L-ittra ta’ Edwin Vassallo hija kif ġej:

Ittra miftuħa għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin f ‘ Jum il-Ħajja, 5 ta’ Frar 2023.

Għeżież żgħażagħ,

Qatt daqs f’dawn iż-żminijiet, f’pajjiżna, ma kellna l-ħajja, il -familja u l-libertà mhedda.

Ħajjitkom, it-tama tagħkom fil-ġejjieni tagħkom stess qiegħed jigi mhedded.

Isserrħux raskom, tgħidu nitilqu minn pajjiżna għal pajjiż ieħor.

Isserrħux raskom taħsbu kif taħsbu li tirnexxu billi taħsbu għal raskom.

Għeżież żgħażagħ, is-soċjetà tagħkom qed tippreparakom għall-ġejjieni billi ssawwar fikom karattru individwalist, egoist, qed tippreparakom kif taslu intom u ma jkunx jimpurtakom minn ta’ madwarkom.

Is-soċjetà qed tippreparakom temmnu f’alla tal-flus, tal-ġid, f’kultura li fiha temmnu li tistgħu tagħmlu li tridu b’ġisimkom.

Dan kollu jidher sabiħ, eċċitanti iżda dan kollu huwa “fake”, il-politiċi liberali qed jużawkom u wara jarmukom.

Intom tridu tkunu li tintebħu li dan kollu huwa sfruttament ta ‘ soċjetà li fiha l-bniedem qed jintuża u jintrema mill-poter ħakkiem tal-flus, ġid, droga, sess bla rażan iżda dan kollu ma jfissirx kuntentizza, hena, fullfilment.

Qumu u għidu lil din is-soċjetà marida bl-indifferenza, bl-egoiżmu bis-solitudni, bl-isfruttament tal-persuna “aħna żgħażagħ Maltin u Għawdxin jixirqilna ġejjieni dinjituż, ġejjieni mimli tama, jixirqilna politiċi awtentiċi li jemmnu fil-bniedem u mhux jużaw il-bniedem”.

Qumu u skomodaw lis-soċjetà li trid taljinakom u sfidaw lil din is-soċjetà u l-politiċi tagħha li intom tridu tieħdu rajkom f’idejkom u ma tridux aktar politika ta’ sfruttament.

Għeżież nitlobkom, emmnu fid-dinjità ta’ kull biedem, f’dinjità tagħkom stess.

Il-ġejjieni huwa tagħkom u mhux tagħhom.

Agħtu t-tama lilkom infuskom u lill-poplu tagħkom.

Irribellaw kontra dan il-kaos morali u soċjali.

Irribellaw kontra l-ħakma li qed toħloq sfiduċja fil-ġejjieni ta’
pajjiżkom.

Irribellaw kontra l-ugwaljanza finta li tfisser biss uniformità.

Irribellaw kontra soċjetà li f’isem il-flus trid tisfruttakom.

Tkunux parti minn din is-soċjetà.

Qumu u uru lil din is-soċjetà li intom protagonisti fil-bini tal-ġejjieni.

Flimkien kapaċi nagħmlu bidla,

Flimkien kapaċi noffru tama.

Emmnu għezież żgħażagħ li tistgħu tagħmlu bidla, differenza, emmnu li l-ħajja sabiħa u tistgħu tagħmluha isbaħ, agħtu lilkom infuskom għal ġid tal-oħrajn u dan kollu għaliex flimkien tridu ħajja isbaħ, aktar dinjituża, worth it, li wieħed jgħixha to the full.

Edwin Vassallo

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *