Dawk favur l-abort jippruvaw jużaw dan is-survey biex itaffu l-ħsara li din l-aġenda għamlet lill-PL

L-aħħar survey tal-Ħadd li għadda qed ikun interpret minn esponti li jħaddnu l-aġenda tal-abort bħala prova li l-abort ma kienetx r-raġuni għat-telf tal-voti għaż-żewġ partiti. L-argument huwa li l-Partit Nazzjonalista kompla naqqas anki jekk ħa pożizzjoni kontra l-abort. Imma ħadd ma jrid janalizza x’kienet ser tkun il-pożizzjoni tal-PN kieku ħa pożizzjoni favur l-abort? Kien ser iżid l-appoġġ fost il-poplu? Ma naħsibx.

Mela dak li l-media u l-espontenti favur l-abort qed jonqsu milli jgħidu huwa x’kienet il-vera r-raġuni għala kien hemm dan it-tnaqqis ta’ appoġġ fil-partit politiċi. Infakkar li dak li żied huwa l-gap bejn iż-żewġ partiti. Imma fir-realta’, it-tnejn naqqsu l-voti. Għaliex finalment, anki l-Lejber naqqas il-voti. Kieku ma kienx ser jikber kif kiber in-numru tan-non-voters li issa tela’ 100,000 ruħ, li hu madwar terz tal-elettorat. Għalhekk wieħed irid jaħseb x’tista tkun il-vera raġuni ta’ din l-isfiduċja. Iżda dak li jidher ċert huwa li dak li qiegħed jintilef ma qiegħed jirbħu ħadd miż-żewġ partiti.

Il-kontroversja politika hija waħda komplessa, iżda li huwa mill-aktar evidenti hija li l-ebda strateġija politika ma qed tirrispondi tajjeb għax-xewqat tal-poplu. Għaliex kontra dawk li jaħsbu ħafna, rebħa elettorali ma tiġix fuq pożizzjoni waħda. Mela partit politiku ma jistax jerbaħ elezzjoni billi jkun kontra jew favur l-abort. Infakkar li fl-2017, il-Partit Nazzjonalista għamel il-korruzzjoni l-għajta tiegħu. Mhux biss ma rebaħx imma f’dik l-elezzjoni l-Lejber żied il-gap u l-voti. Fl-2022, il-PN għamel il-qtil ta’ Daphne l-għajta tiegħu u l-gap xorta baqa’ jiżdied anki jekk din id-darba, f’voti reali l-Lejber naqqas.

Mela, rebħa elettorali tiġi fuq kemm partit politiku jkollu saħħa jgħaqqad numru ta’ kawżi ma’ xulxin. Din kienet il-kapaċita’ ta’ Joseph Muscat li ġab ħafna nies, xi drabi b’issues kontra xulxin u żammhom flimkien.

Wieħed ma jistax ma jaqrax f’dan is-survey l-isfiduċja li ntweriet minn ħafna żgħażagħ fil-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż. Ġa ħareġ survey ieħor li wera li x-xewqa ta’ ħafna ta’ dawk li jiggradwaw hija li jmorru jaħdmu u jgħixu barra. Żgur li dawn ma jridux jitilqu għaliex iħossuhom soffokati għax f’Malta ma hawnx abort. Issa survey wieħed wara l-ieħor qed juri li l-isfuduċja dieħla ukoll fil-qasam politiku. Hawn fejn naqbel ma’ Edwin Vassallo meta jgħid li f’dan il-pajjiż għandna kriżi ta’ awtorita’ morali. Is-sinjali taż-żminijiet kienu qed juru li n-nies qed tiddejjaq li jkollha politiċi li jużawhom u jarmuhom. In-nies hemm barra iridu politiċi li kapaċi jgħidu fihx jemmnu u ma humiex qasba tixxejjer mar-riħ. Li ma jridux n-nies politiċi li illum jgħidu mod u għada jgħidu mod ieħor. Din hija l-vera raġuni għala l-PN ma għamel l-ebda inroads minħabba l-pożizzjoni li ħa fuq l-abort, inkluż ma’ dawk il-votanti li huma kontra l-abort fil-Lejber jew dawk li huma kontra l-abort u ilhom li ddeċidew li ma jivvutawx.

Imma kien hemm min staqsa jekk minħabba din il-politika abortista, il-Partit Laburista tilifx voti u kellu votanti fi ħdanu li qalu li mhux ser jivvotaw fl-elezzjoni li jmiss tal-Ewropa u ser jibqgħu d-dar għaliex mhux qed jaqblu mal-Partit fuq din il-pożizzjoni?

Dak li hemm bżonn fil-PN hu mexxej li kapaċi jagħraf il-concerns ta’ dawk il-100,000 votant li qalu li mhux ser jivvutaw. Dak li kien għamel Joseph Muscat bejn 2008 u 2013. Għaraf x’kienu d-dwejjaq tan-nies. Ma kienx hemm raġuni waħda. Kien hemm eluf ta’ raġunijiet imma kellu l-kapaċita’ li jgħaqqadhom flimkien. Mela jekk iqum mexxej jew profeta li kapaċi jiġbed dawn il-concerns kollha flimkien, dak il-mexxej jerbaħ l-elezzjoni li jmiss. Fi kliem ieħor, jekk il-PN irid jerbaħ l-elezzjoni jrid jara x’inhuma verament il-concerns ta’ dawn 100,000 votant u jaħdem fuqhom. Infakkar li kien hemm mexxej fil-Partit Nazzjonalista li ried imexxi din l-istateġija li jara l-concerns ta’ dawn il-mitt elf votant u l-Blue Heroes ma ħalluhx jaħdem għaliex riedu jagħmlu mill-Partit Nazzjonalista, il-partit woke!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *