Ser joħorġu lil David Agius għall-elezzjoni tal-EU biex itellfu lil Peter Agius: The Times tibda l-kampanja biex taqsam il-vot ta’ dawk li huma kontra l-abort fil-PN.
The Times tatna l-aħbar li l-Partit Nazzjonalista qed jikkonsidera li joħroġ lil David Agius bħala kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej. Din tista’ tidher bħala aħbar li l-Partit Nazzjonalista qed ifittex kandidati b’saħħithom għall-kampanja tal-Ewropa, jew forsi wkoll ma sabx kandidati u b’hekk talab lil David Agius biex jitfa’ ismu fil-lista.

Imma jekk wieħed jaqra sew din l-aħbar jinduna li din hija parti minn strateġija mill-kamp ta’ Roberta Metsola biex jiddgħajjef Peter Agius. Fi kliem ieħor, qed naraw l-istess strateġija li kienet intużat fl-elezzjoni tal-Ewropa li għaddiet kontra Frank Psaila biex b’hekk marru tajjeb Roberta Metsola u David Casa. Minħabba din l-istrateġija, il-Partit Nazzjonalista tilef it-tielet siġġu.
Biex wieħed jifhem x’inhu jiġri, wieħed l-ewwel irid iħares lejn il-kunjom ta’ dawn iż-żewġ kandidati. Hawn qed nitkellmu fuq żewġ kandidati li għandhom l-istess kunjom. Mela s’issa Peter Agius kien ser ikun l-ewwel wieħed fil-polza tal-vot għall-Partit Nazzjonalista. Imma issa qed ikun propost li joħrog David Agius. David Agius ser jiġi qablu fuq il-lista. B’hekk Peter Agius mhux ser jibqa’ hu l-ewwel f’din il-lista.
It-tieni, minħabba li għandhom l-istess kunjom, il-voti ta’ Peter Agius issa ser jinqasmu. B’hekk ser jonqoslu ħafna ċ-ċans li jitla’
It-tielet, ma tridx tkun mort l-Universita’ ta’ Malta biex tinduna li The Times tatna din l-aħbar għaliex hija ser tkun parti mill-ħadma li ser jinħadem Peter Agius. Kulħadd jaf li The Times tappoġġja lil Roberta Metsola. Fuq kollox, Metsola ser tkun qed tmexxi l-aġenda abortista li hija għall-qalb ta’ The Times.
Mela l-istrateġija hija din. Fil-kamp ta’ Metsola hemm biża’ li Metsola ser titlef il-voti tal-pro-life. Mela dawk in-Nazzjonalista li kienu ser ikunu qed jivvutaw fuq il-pożizzjoni pro-life, jiġifieri dawk il-votanti kontra l-abort, kien ser ifittxu biex jivvutaw lil Peter Agius. Issa ser joħroġu lil David Agius li ser jippreżentawh bħala l-kandidat ta’ kontra l-abort. B’hekk il-vot ta’ dawk li huma kontra l-abort fil-Partit Nazzjonalista jinqasam.
Jekk jiġri hekk, dan ser imur favur Roberta Metsola. U magħha ser igawdi David Casa. Għaliex l-istrateġija ta’ Metsola ser tkun li titla’ hija u magħha ttella’ lil David Casa ħalli jibqa’ t-tandem li dawn it-tnejn ikkreaw ġewwa l-Ewropa. Infakkar li din kienet l-istrateġija li ntużat biex ma jitlax Frank Psaila fl-aħħar elezzjoni tal-Ewropa. Minfloku kien tela’ David Casa. Il-Blue Heroes kienu ħadmu kontra Psaila u għamlu block vote favur Metsola u Casa. Dan il-block vote ser nerġgħu narawh u miegħu ser naraw attentat biex il-voti li ser jieħu David Agius lil Peter Agius jgħaddu għand Metsola u Casa.
Mela jidher ċar li Peter Agius qed jaħdmuh. Jidher ċar li anki jekk il-liberali u l-progressivi qed jgħidulna li s-survey tal-Ħadd li għadda wera li l-pożizzjoni tal-PN kontra l-abort ma kellhiex effett fuq il-PN, fil-verita’ din kellha ħafna effett tant li The Times daħlet fil-froga biex taqsam il-vot ta’ dawk kontra l-abort ħalli tgawdi Roberta Metsola li hija favur l-abort u allura l-kandidata naturali ta’ The Times.
Imma kemm int melha, hallijhom ha jamlu hadma, mela Peter Agus ma fix hadma number one.