Meta l-Prim Imħallef ikun iridek, titħassar ċerimonja tal-ħatra quddiem il-President ta’ Malta: dak li l-Prim Imħallef jrid jagħmel b’saħħa maġistrat kellu problemi serji fl-aħħar sena tal-kors tal-liġi

F’dawn il-jiem kellna u għad għandna l-istorja tal-avukat Kevan Azzopardi. Dan intgħażel ma’ tlieta oħra biex isir maġistrat. Sad-data taċ-ċerimonja kienet ġiet stabbilita’ u l-President ta’ Malta kellu jagħtihom il-ħatra. Ġara li Jason Azzopardi kixef li wieħed minnhom kellu proċeduri kontra tiegħu f’Ivory Coast. Din l-istorja wasslet biex twaqqfet iċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ dawn il-maġistrati. Mela minħabba wieħed, weħel kulħadd. Minflok iċ-ċerimonja saret xorta u fiha dehru t-tlieta li ġew magħżula u li dwarhom ma hemmx problemi, ittieħdet id-deċiżjoni li minħabba l-każ ta’ wieħed jeħel kulħadd. Dak li kellu jsir kien li ċ-ċerimonja ssir xorta u dak li nqalgħet il-kontroversja dwaru, ma jmurx sakemm tkun riżolta il-kwistjoni li għandu. Imma d-deċiżjoni kienet li ma ssirx iċ-ċerimonja anki jekk il-President tar-Repubblika kien ġa ġie avżat u tħabbret id-data. Mela x’inhu il-messaġġ li nbagħat mill-Prim Imħallef? Il-messaġġ kien dak li l-President ta’ Malta jaħtarhom kollha jew xejn. Ara f’liema taħwid ġabuna l-Kummissjoni Venezja bir-riformi fażulli tagħhom!

Sadanittant, komplew ħerġin aktar stejjer dwar Kevan Azzopardi inkluż dik li meta kien fil-kors tal-liġi fl-Universita’ ta’ Malta, kellu problemi serji mhux marbuta ma’ saħħa. Ir-referenzi li qed isiru huma għall-finals fl-2003, tant li kellu jirrepeti l-aħħar sena. Miegħu kien hemm tnejn oħra li bħalu kellhom dawn l-istess problemi f’dik l-istess sena. Nifhem li storja passata ma għandhiex tibqa’ tiġri wara individwu, imma l-messaġġ li qed nibgħatu lis-soċjeta’ tagħna llum huwa dak li tkun ċuċ jekk tistudja u taħdem għaliex fl-aħħar mhux kemm tistudja jgħodd imma kemm għandek konnessjonijiet. Forsi jien ninstema ftit antikwat fil-dinja tal-woke li qegħdin nikkreaw, imma min jilħaq f’ċertu karigi, b’mod partikolari dawk tal-ħaqq, jrid ikollu warajh storja ta’ onesta’ assoluta.

Dak li jgħodd illum fl-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna, inkluż tal-qrati, huwa kemm għandek konnessjonijiet u flus u mhux kemm għandek kapaċitajiet. L-anqas jgħodd kemm int onest jew kemm taf jew dak li int akkwistjat, akkwistjatu bis-saħħa tal-istudji tiegħek u ta’ xogħlok.

Avukati li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li l-ħatra tal-ġudikatura llum qed jagħmilha dan il-kumitat u mhux il-gvern li fih anki jpoġġi l-President tal-Kamra tal-Avukati. Ara fuq dawn l-affarijiet, il-President tal-Kamra tal-Avukati ma jgħid xejn. Ara dawn l-affarijiet, il-President tal-Kamra tal-Avukati ma jqieshomx theddida għall-proċess ħieles u ġust tal-ġustizzja.

Kien hemm min saħaq li Kevan Azzopardi lanqas għandu esperjenza ta’ practising lawyer li tirrikjedi l kostituzzjoni. Imma ħadd ma hu qed jitkellem dwar dan kif ħadd ma tkellem dwar il-fatt li l-guidelines li qed jintużaw minn dan il-kumitat imorru oltre mill-kostituzzjoni. Infakkar li fuq dan il-punt, Anna Mallia kienet għamlet kawża, imma tħalliet tiġġieled waħidha minn dawk kollha li jriduha tal-paladini tar-rule of law.

Illum nistenna lir-Repubblichini jorganizzaw protesta quddiem il-qrati jew barra mill-awla tal-Prim Mħallef bħal meta organizzaw waħda bil-lejl u ħadu lin-nies quddiem Kastilja biex igaraw il-boldijiet u l-boroż bil-bewl għaliex qalu li ma hawnx rule of law f’pajjiżna! Biex imbagħad ġew tal-Kummissjoni Venezja u tawna dawn ir-riformi li aktar qed ikissru l-istat tal-ħaqq f’Malta milli jagħmlulu ġid.

Imma tiskanta kif quddiem każ bħal dan, dawk kollha li kienu jgħajtu bir-rule of law, kollha b’ħalqhom magħluq. Tiskanta kif il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ħaqq ma qal xejn fuq dan il-każ. Jidher li din id-darba qed jaqbel ma’ ċertu esponenti Laburisti (għaliex il-Lejber huwa maqsum fuq din l-għażla) li jridu lil Kevan Azzopardi b’saħħa kbira bħala maġistrat. Verament il-forka, kif kienet tgħid ommi, għall-iżvinturat.

Imbagħad in-nies jiskantaw bis-sentenzi li qed jingħataw mill-qrati tagħna jew li l-poplu qed jitlef il-fiduċja f’din l-istituzzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *