L-isem ta’ Chris Cardona ilu jissemma fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia u l-familja Caruana Galizia opponew li jingħataw maħfriet lil min seta’ jimplikah fid-delitt.
Matul din il-ġimgħa, kellna għal darba oħra l-ġurnali jsemmu l-isem ta’ l-eks-ministru Chris Cardona nkonnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din hija t-tieni darba li l-isem ta’ dan il-ministru ssemma f’kawża fil-qorti inkonnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-ewwel darba li ssemma fil-qorti sirna nafu li l-isem ta’ Chris Cardona kien saħansitra ġie msemmi lill-pulizija. Imma l-ebda partit politiku jew xi NGO ma qalet xejn dak in-nhar. Infakkar li l-ewwel wieħed li semmieh fil-qorti ma kienx Vince Muscat, il-Koħħu, imma Yorgen Fenech innifsu meta kien qed jixhed fil-kawża ċivili li l-familja Caruana Galizia qed tagħmel. Fix-xhieda tiegħu, Yorgen Fenech kien qal li meta kien qed ikun interrogat mill-pulizija, jiġifieri mill-ispettur Keith Arnaud, huwa kien qal lil Keith Arnaud li Chris Cardona stess kien qallu li hu kien il-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dak in-nhar il-media kienet tkellmet dwar dan il-fatt u qalet li Yorgen Fenech kien semma lill-ministru Chris Cardona f’din il-kawża li l-familja Caruana Galziia qed tagħmel kontra dawk li allegatament kienu involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Imma kif spjegajt, l-ebda partit politiku u dawk li jiftaħru li huma simpatizzanti ta’ Daphne Caruana Galizia ma qalu xejn.
Nifhem li fil-każ ta’ Vince Muscat il-Koħħu għandna informazzjoni li fil-kamp kriminali hija magħrufa bħala detto del detto u b’hekk ma torbotx fil-qorti. Imma fil-każ ta’ Yorgen Fenech kellna persuna li qed tissejjaħ il-mastermind ta’ dan id-delitt u qed tgħid x’qalilha persuna li kien ministru tal-Gvern. Dak li jolqtok issa, li l-isem tal-eks-Ministru Cardona ma ssemmiex biss minn Yorgen Fenech imma anki minn oħrajn li huma indipendenti minnu u l-anqas kienu jafu. Mela kellna lil Yorgen Fenech li semmieh. Kellna lil Vince Muscat il-Koħħu li f’April tal-2021 qal fil-qorti li Alfred Degiorgio kien ħabib ta’ Chris Cardona u fittex għajnuna minn għandu. Issa, l-istess Vince Muscat il-Koħħu reġa’ semma lil Chris Cardona fil-qorti. Fuq kollox, l-aħwa Degiorgio wkoll, independentament minn Yorgen Fenech u Vince Muscat semmew l-involviment ta’ ministru tal-gvern, imma qalux l-isem tiegħu, imma kulħadd jaf għal min kienu qed jirreferu. Imma nfakkar li Vince Muscat il-Koħħu kien qal ukoll li kien ħa l-aħwa Degiorgio Kastilja għax kellhom laqgħa ma’ Chris Cardona.
Dak li jolqtok huma li Melvin Theuma tkellem ukoll dwar dan l-involviment ta’ Chris Cardona imma x-xhieda tiegħu hija bbażata fuq detto del detto Hu qal li kien Yorgen Fenech li qallu li Chris Cardona kien involut u tkellem kif Chris Cardona kien ħa overdose ta’ pinnoli.
Il-problema qegħda hawn. Jekk Chris Cardona hux involut jew le, hija għall-pulizija li tinvestiga. Biex wieħed irid jgħid kollox, il-pulizija kienet bagħtet għal Chris Cardona dwar dan il-każ. Imma skont iċ-chief investigator, Arnaud, dak kollu li kien qed jgħid lill-pulizija Melvin Theuma kien kollu qed jiġi kkollaborat u għalhekk huwa xhud kredibbli. Imma minn dak li s’issa ġie rrappurtat fil-media, jidher li Melvin Theuma jaf ħafna aktar milli fil-fatt qed jgħid fuq Chris Cardona. Sħab Melvin Theuma stess f’dan id-delitt, jiġifieri l-Koħħu semma lil dan il-ministru waqt li l-aħwa Degiorgio qed igħidu li hemm ministru tal-gvern involut. Infakkar li Theuma kien ħobża u sikkina magħhom. Imma dak li jolqtok huwa li l-mainstream media fuq dan il-punt ma tridx tagħfas. Min jaf għalfejn?
Imma din is-saga ma tieqafx hawn. Ftit tax-xhur ilu, Lovin Malta rrappurtat li sorsi qalulha li George Degiorgio allegatament qed jgħid li l-moħħ wara l-attentat ta’ qtil fuq Daphne Caruana Galizia fl-2015 kien Chris Cardona. Jiġifieri, dawn qed jgħidu l-istess ħaġa li qal issa Vince Muscat il-Koħħu fil-qorti. Infakkar li kemm il-pulizija u l-avukat ġeneral iirrifjutaw li jirrakkumandaw il-maħfra presidenzjali lill-aħwa Degiorgio. Anki hawn, il-Lovin Malta kienet qaltilna li hemm nuqqas ta’ evidenza meta fil-fatt l-evidenza hija n-nies stess li qed jixhdu u li huma lesti jgħidu x’inhu l-involviment tagħhom u min qabbadhom. Mela għaliex l-awtoritajiet qatt ma riedu jagħtu l-maħfra presidenzjali lill-aħwa Degiorgio imma ppreferew lil Melvin Theuma?
B’hekk l-ikbar mistoqsija tibqa’. X’inhuma l-kriterji li l-pulizija qed tuża biex tagħti l-maħfriet presidenzjali f’dan il-każ? Dawn il-kriterji huma mmexxija biex isir ħaqq jew biex ikunu protetti ċertu nies fil-politika bil-kompliċita’ tal-familja Caruana Galizia? U x’interess għandha din il-familja tipproteġi politiċi involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia? X’interess kellha l-Fundazzjoni Daphne Caruana Galizia biex ma taqbilx u toġġezzjona li l-aħwa Degiorgio li riedu jikxfu politiċi ma jingħatawx maħfra presidenzjali?
Ftakru fl-aħħar messaġġ ta’ Daphne Caruana Galizia: “There are crooks everywhere you look now. The situation is desperate”.