In-nomina tal-Kummissarju tal-iStandards Pubbliċi u t-tmiem tal-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet ta’ dan il-pajjiż
Minn Osservatur Politiku
F’dan il-pajjiż diffiċli biex nimxu ‘l quddiem kif mistenni minn kulħadd. Dan qed narawh fin-nomina tal-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika fejn it-Tnejn li għadda ittieħed vot li permezz tiegħu ser jinbidel il-mod ta’ kif jiġi mlaħħaq dan l-uffiċjal pubbliku. Ma konniex kapaċi nsibu persuna waħda idonea li tkun aċċettata miż-żewġ partiti politiċi fil-parlament.
Dan jikkontrasta bil-kbir mal-kummissarju li kellna qabel li kien miftiehem bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi u aċċettat mill-gruppi parlamentari rispettivi tagħhom. U dan ma nimmaġinax li kien faċli peress li n-nomina dak iż-żmien kienet tittratta persuna li kienet parti mill-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista snin qabel. Imma b’determinazzjoni u b’rispett lejn xulxin, intlaħaq il-ftehim u ħadem għal numru ta’ snin bħala l-Kummissarju tal-iStandards.
Biss dak in-nhar ma kienx hemm tutibazzjoni. Kien hemm diskussjoni bejn iż-żewġ mexxejja u qablu u aktar importanti ma marrux lura minn kelmthom. Ma tistax tgħid l-istess ħaġa din id-darba. Skont wieħed mill-mexxejja, l-isem li qed ikun nominata kien diġa’ ġie aċċettat mill-parti l-oħra, imma għal raġuni li jafha kulħadd dan il-ftehim ma wassalx għall-konklużjonijiet meħtieġa biex issa għaddejja kontestazzjoni li ma konniex qed nistennewha.
Nhar it-Tnejn fil-Parlament kien hemm it-tielet u l-aħħar votazzjoni biex jinbidel il-mod ta’ kif ser isib postu dan in-nominat bħala kummissarju. B’din il-votazzjoni ser jidħol fis-seħħ mekkaniżmu anti-deadlock biex bih jintela’ l-pożizzjoni ta’ Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika. Minħabba d-disgwid li nqala’, ser ikollna kummissarju li mhux ser ikun aċċettat miż-żewġ naħat tal-kamra.
Id-deputati kollha fil-parlament ivvutaw skond kif indikat mill-partit rispettiv tagħhom. Dan jirrifletti li r-ras iebsa li qed tintwera f’dan il-każ ser tibqa’ għaddejja sal-aħħar. Ma jidher li hemm ebda sinjal ta’ żblokk u ser nispiċċaw ikollna Kummissarju tal-iStandards ivvutat biss mill-partit fil-gvern. Is-sitwazzjoni mhux ser tkun waħda feliċi meta wieħed jiftakar li dan il-kummissarju jkun irid jindaga fuq rapporti li jkunu ġejjien miż-żewġ partiti rappreżentati fil-parlament.
Ir-riżultat ser ikun li din il-kariġa titlef is-saħħa tagħha – jekk qatt kellha – u l-poplu Malti jkompli jitlef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ dan il-pajjiż.
Sur Mercieca nahseb li bli gara l kummisarju tal istandards se jkollhu hafna aktar piz ghal skrutinju fuq deputati ministri u segretarju parlamentari.