Illum jum il-ħajja: importanti li l-ħajja tibqa’ tiġi l-ewwel u qabel kollox

Minn Edwin Vassallo

Illum il-Ħadd, 5 ta’ Frar huwa Jum il-Ħajja u tajjeb li niċċelebraw dan il-jum għaliex hemm drabi fejn il-ħajja mhux dejjem tiġi apprezzata. Ngħid hekk għaliex illum qed ngħixu f’soċjeta’ fejn il-politika liberali qed toffri l-mewt lill-bniedem bħala soluzzjoni għall-problemi li jibda’ jaħseb li jkun aħjar jsolvihom billi jneħħi l-ħajja. Xi drabi din il-politika liberali qed toffri lill-umanita’ interpretazzjoni ta’ x’inhu l-bniedem, fejn tgħid li l-bniedem huwa bniedem sakemm għandu r-raġuni. Dan hu argument perikoluż.

B’din l-iskuża qed jiġi ġġustifikat l-abort u l-ewtanasja. Mela l-mewt tal-bniedem qed tiġi ġġustifikata skont dan l-argument, għaliex il-bniedem mhux aktar fi stat ta’ raguni. Allura jista’ jinqatel għaliex mhux bniedem. B’dan ir-raġunar, din il-politika tipprova teħles lill-bniedem mill-uġiegħ u l-problemi oħra li jiffaċja ma’ wiċċu billi tipprovdilu l-mewt bħala soluzzjoni. Dwar dan tkellmu fuqu ukoll l-isfqijiet Taljani f’dokument li ħarġu fejn qasmu l-ħsibijiet għall-Jum il-Ħajja.

Li nara l-Viċi Prim Ministru jħabbar il-bidu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-kura palljattiva hija xi ħaġa sabiħa u ta’ min ifaħħarha. Dan huwa l-mod ta’ kif nerfgħu r-responsabbilita’ tagħna flimkien. Nittama biss li din il-konsultazzjoni pubblika tibqa’ dejjem iffukata fuq il-kura u ma tasal qatt fil-mument li jkun hemm min jaħseb biex joffri l-ewtanasja bħala soluzzjoni għall-mard bla fejqan.

Naqsam din il-biża’ tiegħi għaliex pajjiżi oħra mxew din il-mixja. Fl-egoiżmu tal-ħajja, perżwaz li għad naslu fil-mument, jekk mhux ġa qegħdin fih li jkun hemm politiċi li joffru l-proposta tal-mewt bħala soluzzjoni għal min ikun jidher daqstant muġgħuh. Faċli li f’isem il-ħniena lejn dak il-pazjent, noffru l-mewt qabel żmienha bħala soluzzjoni. F’mumenti diffiċli, mhux faċli li wieħed jgħid li l-ħajja hija sabiħa u isbaħ mill-mewt.

Minkejja dan, meta u jekk nibdew naċċettaw li l-mewt hija s-soluzzjoni għall-problemi tagħna, ejjew nifhmu li bħala umanita’, soċjeta’ u familja nkunu qabdna triq veru perikoluża. Mhux għall-mewt li nkunu qed noffru qabel waqtha, iżda għal mod kif inkunu aċċettajna l-kultura tal-mewt bħala soluzzjoni għall-problemi tagħna. Din hija ideolġija oħra offruta mill-politika tas-suq li qed tarmi lill-bniedem hekk kif ma tibqax ikollha aktar bżonnu. Għalhekk, filwaqt li nawgura suċċess u ħidma b’risq il-fejqan u l-kura biex ntaffu t-tbatija, ejjew naraw li din il-konsultazzjoni pubblika tkun maħsuba biex ittejjeb il-kura f’tant mumenti diffiċli filwaqt li naraw li qatt ma naslu li noffru l-mewt bħala soluzzjoni għat-tbatija.

Il-ħajja tibqa’ sabiħa anki fit-tbatija. Mhux faċli li f’dinja bħal tal-lum fejn kollox huwa deċiż fuq is- sentiment tal-pjaċir, tas-sbuħija edonistika u l-ġid, din l-istqarrija tagħmel sens. Dak huwa l-periklu li qegħdin naffaċċjaw bħala umanita’. Wasalna f’punt fejn il-mewt qed tkun ippreferuta fuq il-ħajja. Min-naħa tiegħi, jien ser inkompli nagħmel ħilti kollha biex nibqa’ nitkellem u naħdem f’isem il-kultura tal-ħajja. U int, li qed taqra dan l-artiklu, x’ser tagħmel?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *