Tlifna t-triq lejn is-sewwa: il-Prim Ministru, il- Maġistrata u d-diskorsi tal-Oppożizzjoni

Minn Edwin Vassallo

Wara li tkellem kulħadd dwar il-każ tal-Prim Ministru u d-diskussjoni li kellu ma’ membru tal-maġistratura mara fil-privat, kien imiss lill-Oppożizzjoni biex titkellem u tgħid tagħha.

L-ewwel osservazzjoni li nixtieq nagħmel hija għala l-PN qed idum biex jitkellem u kull darba qed jistenna lil xi ħadd biex jitkellem qablu? Kemm ser idum jipprova dejjem ifittex ħajt ta’ kenn wara min jistaħba?Dan il-ħajt ta’ kenn jista’ jkun dak tar-Repubblichini jew tal-akkademiċi u issa tal-Kamra tal-Avukati. Imma dejjem jitkellem wara li tkellem xi kulħadd u tkun ġa ġiet iffurmata l-opinjoni pubblika. B’hekk l-istrateġija hija dik li l-Oppożizzjoni tidher li qed issammar l-aħħar musmar f’dan l-argument, f’dan il-każ dak dwar din id-diskursata bejn maġistrata u l-Prim Ministru.

Tajjeb li l-Oppożizzjoni tistenna imma hu importanti li xi darba jasal il-mument li l-Oppożizzjoni tkun hi li bl-enerġija tagħha toħroġ fuq quddiem u tgħid tagħha mingħajr ma toqgħod tistenna l-opinjoni pubblika lejn fejn hija sejra biex tgħid x’taħseb. Fi kliem ieħor, l-Oppożizzjoni għandha tkun dik il-forza li tmexxi l-opinjoni pubblika ‘l quddiem.

Issa jidher ċar li dan il-gvern tal-Labour sar magna li titfa’ l-ħmieġ u jiġbor id-deheb. Koss biex il-PL jiġgustifika l-għemejjel tal-Prim Ministru qed jargumenta li ma nistgħux nibqgħu fl-istatus quo. Din kbira.
Mela sinjuri tal-PL biex ma nibqgħux fl-status quo ejjew nilleġislaw favur il-korruzzjoni. Biex ma nibqgħux fl-istatus quo ejjew nilleġiżlaw laqgħat regolari tal-Prim Ministru u l-Ministri mal-ġudikatura b’mod privat.
Biex ma nibqgħux fl-istatus quo ejjew nillenġiżlaw li persuna tista’ tikkommetti qtil taħt l-influwenza tad-droga u jkunu qiesu ma ġara xejn. Biex ma nibqgħux fl-istatus quo ejjew nilleġiżlaw li s-sentenzi tal-qorti jkunu deċiżi u approvati mill-kabinett tal-ministri. Biex ma nibqgħux fl-istatus quo ejjew nilleġiżlaw biex l-istituzzjonjiet jaħdmu biss kontra ż-żgħir u jħallu lill-kbir jagħmel li jrid.

U dan kollu sinjuri tal-Labour tagħmluh biex tgħidu kemm intom progressivi. U ħalluna! Għaliex m’intomx la irġiel u l-anqas nisa. Minflok ħriġtu tgħidu li Robert Abela żbalja, spiċċajtu tiddefendu dak li hu ħażin. Fi kliem ieħor, intom misskom għidtu lin-nies li dan kien żbalja u dan l-iżball mhux ser jerġa’ jsir. Dan qed ngħidu għaliex intom tal-Labour ikkwotati tgħidu li n-nies jistennew li l-istituzzjonjiet jaħdmu tajjeb. Imma tafu liema istituzzjoni mhix taħdem f’isem in-nies? L-istituzzjoni li jisimha gvern għaliex b’vot li bih ġiet approvata issa l-proċedura li biha jinħatar il-Kummissarju tal-iStandards huwa veru fatt fejn għandna gvern li ma jridx il-pulizija wara biebu.

Aħjar jekk il-Labour, il-ħmieġ jibda jgħidlu ħmieġ u mhux jibqa’ jiriċiklah u jagħmlu jidher deheb għaliex dan id-deheb huwa finta u ser jispiċċa xorta waħda mċappas ma’ wiċċu. Verament tlifna t-triq lejn is-sewwa.

One thought on “Tlifna t-triq lejn is-sewwa: il-Prim Ministru, il- Maġistrata u d-diskorsi tal-Oppożizzjoni

  1. Sur Vassallo, l-FATT li lanqas taf li l-prim ministru iltaqa u tkellem mal-magistrata FIL- PUBBLIKU u ,mhux fil-privat, kif ghidt int, juri kemm taqbad u tfajjar blama ticcekkja sewwa ! SEWWA ghamel il-prim ministru li appella lill-membri tal-gudiklatrura biex fis-sentenzi taghhom dwar certi reati, bhal ma kellna dan l-ahhar, jibghatu messagg car lill-kriminali li se jkollhom ihallsu qares ghal-atti kriminali li jkexkxu lill-poplu meta jsiru ! Il-PN qed jghati prova ohra, inkluz int Sur Edwin, li qeghdin maqtughin min-nies !!!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *