“Time for theatrics is over” jew żmien it-teatrini għadda anki għall-Oppożizzjoni.

Minn Edwin Vassallo

Nieħu gost nara li The Times spiċċat titkellem u tagħmel l-istess argumenti li għamel dan is-sit dwar il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri. Issa anki The Times qed titlob biex tirreżenja minħabba dak li ġara fil-ħabs. The Times qed tkompli fuq l-istorja li beda dan is-sit fejn talab għar-reżenja ta’ dan il-ministru talli żamm id-direttur tal-ħabs fil-kariga tiegħu meta dan l-istess direttur kellu quddiemu proċeduri kriminali kontra tiegħu.

Min-naħa l-oħra, kellna Oppożizzjoni li talbet għar-reżenja tal-Ministru Byron Camilleri minħabba d-disordni li għandna fil-pajjiż. Skont l-Onor, Dr. Giglio, il-Ministru Byron Camilleri falla fil-proġett taż-żamma tal-ordni f’pajjiżna. Mhux x’ser nindaħal x’jgħid l-onorevoli deputat f’isem l-Oppożizzjoni. Imma nixtieq nirrifleti jekk b’reżenja ta’ ministru aħniex ser inkunu qed insolvu l-problema tad-disordni soċjali li għandna f’dan il-pajjiż? Waqt li nifhem li wieħed jitlob reżenja ta’ ministru għaliex ma ħax azzjonijiet li kellu jieħu meta affaċċajt b’akkużi serji fir-rigward tad-direttur tal-ħabs, ma nistax nifhem kif ministru jiġi mgħobbi b’risponsabilita’ ta’ disordni soċjali. Hemmhekk, ir-risponsabbilita’ trid tkun waħda kollettiva. Għalhekk ninsisti li l-Oppożizzjoni trid tkun aktar għaqlija ta’ kif tagħmel l-argument politiku.

Mela ejjew nifhmu l-problema minn fejn ġejja għaliex nemmen li hawn l-Oppożizzjoni trid iġorr ukoll ir-respobsabbilita’ tagħha. Il-kriżi tas-sigurta f’pajjiżna mhix riżultat t’issa. Mhix riżultat ta’ nuqqas ta’ ħidma ta’ ministru partikolari iżda hija riżultat ta’ soċjeta’ li min kien responsabbli fil-politika biex jagħtiha direzzjoni lejn dak li huwa moralment u soċjalment ġust, spiċċa ta lil din is-soċjeta’ direzzjoni lura. F’dan kollu, kull min kellu xi risponsabbilita’ kien qed jiekol minn idejn il-gvern. Kulħadd għen biex naslu fejn qegħdin illum.

Il-biża’ tiegħi jinsab fil-fatt li għada ser ikun agħar mil-lum. Il-biża’ tiegħi jinsab fil-fatt li llum wassalna f’dan il-kaos soċjali u morali riżultat tal-libertinaġġ morali li pajjiżna twaqqa’ fih, fejn kollox spiċċa xejn ma hux xejn.

Meta kont deputat fil-parlament, kont ngħid diversi drabi li jekk pajjiżna jrid riġenerazzjoni ekonomika, l-ewwel neħtieġu riġenerazzjoni morali. Kulħadd kien jiddieħaq biha dak iż-żmien. Kienu saħansitra għajruni “dinosawru”. Kien hemm fost sħabi tal-partit tiegħi stess li kienu għajruni hekk. Dawn kienu bdew jaħsbu li ma kienx baqa’ post għad-deputati konservattivi fil-Partit Nazzjonalista.

Illum hawn qegħdin induqu mill-brodu li sajjarna, jew aħjar sajruh dawk kollha li emmnu li l-valuri umani għadda żmienhom. Issa qed naraw il-frott tal-politika liberali li żrajna. Issa l-Oppożizzjoni qed tikkundana lil dak jew lill-ieħor. Il-kundanna kellha tieqaf fuq dak li ġara fil-ħabs. Minflok infirxet għal dak li qed jiġri fis-soċjeta’ tagħna. Imma issa qed nifhmu għala l-għajta ta’ reżenji mhux qed ikollha effett f’dan il-pajjiż – anki meta hija mistħoqqha – għaliex issa drajna li kollox jgħaddi.

Jien ma għandi l-ebda intenzjoni li niddefendi l-ebda ministru ta’ dan il-gvern iżda nixtieq li l-enerġija tagħna, bħala poplu, tkun indirizzata lejn il-kawża tal-problema jekk verament irridu naslu għall-fejqan ta’ din il-kriżi politika, soċjali, morali u demokratika li qegħdin fiha llum. Fuq kollox irridu nkunu kapaċi li nifthemu fuq dak li qed ngħidu. Jekk l-Oppożizzjoni qed taħseb li qed tiskorja l-punti billi takkuża ministru jew ieħor minħabba din il-kriżi soċjali u morali li qegħdin fiha, mhix qegħda fit-triq il-ġusta. The Time for theatrics is over. Żmien it-teatrini għadda anki għall-Oppożizzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *