Where your opinion counts

Il-PBS ixandar dak li qalet Transparency International wara pressjoni mid-deputat Nazzjonalista Graham Bencini

Minn osservatur politiku

Ilbieraħ ix-xandir pubbliku wasal biex tana l-aħbar dwar ir-rapport li ħareġ minn Transparency International fejn sirna nafu li Malta kompliet titlef aktar punti f’dak li jissejjaħ il-Corruption Perceptions Index. Għaddew il-ġranet minn meta ħarġet din l-aħbar fuq portals differenti f’Malta. Kulħadd ta l-opinjoni tiegħu fuq din il-kwistjoni minbarra l-PBS.

Din l-aħbar mill-PBS waslet wara li membru tal-parlament Nazzjonalista, Graham Bencini, ġibed l-attenzjoni tal-PBS li ma kienux ħabbru l-aħbar fuq ix-xandir tagħhom. Mela aħbar li tista’ titqies bħala aħbar nazzjonali ma tixxandarx fuq ix-xandir pubbliku li huwa mħallas minn flus il-poplu kollu.

Dan huwa nuqqas kbir u jagħmel mistoqsijiet serji dwar l-aġenda tal-PBS. Possibbli din id-dar tal-aħbarijiet għoġobha tħalli barra aħbar importanti bħal din? Possibbli li min imexxi l-PBS kellu l-ardir li ma jxandarx aħbar ta’ din il-portata? Ovvju li din kienet aħbar li tħammar wiċċ il-Gvern. Allura għax kienet aħbar negattiva għandha tibqa’ barra u ma titwassalx lill-pubbliku.

Is-serjeta’ tal-PBS hija tali li jekk ma jkunx hemm min ibesbsilha widnejha ċertu aħbarijiet ma jixxandrux. Hija tal-mistħija kif rapport ta’ portata bħal din jitħalla barra mill-PBS u jixxandar biss għax telgħet f’livell ta’ parlament għax tkellem membru parlamentari.

Il-poplu Malti u Għawdxi jistenna li l-PBS ixandar kollox, kemm dak li hu sabiħ kif ukoll dak li hu ikrah. Ma nistennewx li l-PBS ikollu aġenda moħbija u lest biss biex jgħaddi l-aħbar li tkun pożittiva għall-partit fil-Gvern. Dan kien rapport li wera li fl-2022 Malta tilfet tliet punti oħra meta mqabbla mas-sena l-oħra. Wera affarijiet koroh dan ir-rapport għax qalilna li Malta dabbret l-anqas punteġġ minn meta beda jiġi magħmul dan ir-rapport.

Veru li hija aħbar li ma tantx tħalli togħma tajba fil-partit fil-Gvern, imma xorta kellna nistennew li l-PBS ixandar din l-aħbar u mhux forsi jinħeba wara traskuraġni jew nuqqas ta’ ħeġġa. Il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas għal xandir nazzjonali u jistenna li jkollu quddiemu stampa totali u ċara ta’ dak kollu li jinqala’ fil-pajjiż. Ma jistax ikun li l-PBS juri nuqqas ta’ imparzjalita flagranti bħal din.

2 thoughts on “Il-PBS ixandar dak li qalet Transparency International wara pressjoni mid-deputat Nazzjonalista Graham Bencini

  1. Jista Graham Bencini jejdilna fejn kienet il pozizjioni ta Malta 🇲🇹 fiz zmien il partit nazzjionalista fil 25 sena li gvernaw huma?

Leave a Reply to Joe Cassar Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *