Fejn huma l-viġili u l-protesti tal-MUT wara l-aħħar assalt ta’ vjolenza kontra għalliem?
Minn Romegas
L-MUT irrappurtat li għalliem ġewwa Għawdex sofra ksur f’driegħu wara li ġie assaltat minn student. L-MUT żiedet tgħid li dawn il-ġrieħi jafu jirriżultaw f’diżabbiltà permanenti. L-MUT stqarret li tikkundanna dan l-inċident li issa qed jiġi investigat mill-pulizija. L-Union qaltilna li kellha laqgħa mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar dan l-inċident u li ser jinħoloq kumitat apposta sabiex jiġu stabbiliti l-fatti dwar il-każ. L-MUT żiedet tgħid li hi pproponiet ukoll li ser jinħoloq bord biex janalizza s-sitwazzjoni dejjem aktar imwergħa li qed jiffaċċjaw l-edukaturi fil-postijiet tal-edukazzjoni. Qaltilna li l-ministru laqa’ t-talba tagħha u li l-MUT ser ikollha rappreżentant fuq dan il-bord biex iressaq ‘rikomandazzjonijiet biex itejjeb is-sitwazzjoni’.
Wieħed ma jistax ma jitħassibx fejn tidħol vjolenza fuq l-għalliema. Din dejjem qegħda tiżdied, anki jekk dan il-każ huwa ftit partikolari, minħabba l-iskola fejn seħħ. Imma l-MUT trid timxi b’aktar għaqal f’dan is-settur. Mhux ser nidħol fuq il-każ tal-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir fejn kien hemm għalliema li tkellmu b’mod vjolenti kontra r-Rettur ta’ dan il-kulleġġ u l-MUT ma tkellmet xejn. Anki jekk personalment naħseb li fuq din il-kwistjoni, MUT kienet fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja. Tant li llum intesiet għal kollox.
Imma nixtieq ngħid li każijiet ta’ vjolenza kellna fil-passat u għad għandna f’ċerti kulleġġi tal-gvern illum. Is-soluzzjoni kienet li jitwaqqaf il-Master of Discipline għal kull kulleġġ. X’ġara minn dak in-nhar ‘l hawn? Xejn. L-esperiment ma ħadimx u falla. Tant kemm ma ħadimx li meta qed jispiċċa master of discipline minn kulleġġ, ma jiġix appuntat ieħor minn floku. Fi kliem ieħor, dan il-post qed jiġi obsolete. Infakkar li l-MUT kienet wara dan l-esperiment tal-Master of Discipline u ppreżentatu bħala s-soluzzjoni tal-problema tad-dixxiplina fl-iskejjel. B’hekk għandi d-dubji tiegħi kemm ser jaħdem dan il-kumitat. Il-problema ġejja mill-fatt li l-edukazzjoni tagħna spiċċat “woke” u jiddispjaċini nnota li l-MUT inġarret minn din il-propaganda li qed teqred l-edukazzjoni ġewwa pajjiżna.
Din il-politika mliet lill-istudenti fl-iskejjel tagħna b’xejn aktar minn sens ta’ intitolament. Din hija politika fejn kulħadd għandu kull dritt jagħmel li jrid u ħadd m’għandu l-ebda obbligu. Din hija politika fejn ħadd m’għandu rispett lejn l-ebda awtorità u fejn kulħadd għandu raġun u kull opinjoni hija ugwali għax il-verità assoluta ma teżistix. Ir-riżultati akkademiċi huma tal-biża’. Minkejja s-sussidju pubbliku għal snin twal fl-edukazzjoni, studenti għadhom joħorġu prattikament illitterati u fuq kollox inedukati.
B’hekk ma nemminx li għandha bżonn ta’ bordijiet biex tkun irranġata s-sitwazzjoni fl-iskejjel tagħna. Kull ma hemm bżonn huwa sens ta’ determinazzjoni bħal ma wera r-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Fi kliem ieħor, hemm bżonn aktar għażliet fejn dawk li jmexxu l-iskejjel tagħna jintgħażlu verament fuq meritokrazija u mhux aktar fuq konsiderazzjonijiet politiċi, għaliex qraba jew canvassers ta’ ministri. B’hekk hemmx bżonn ta’ bordijiet u kumitati ta’ esperti biex tifhem x’hemm ħażin fl-iskejjel tagħna u l-bżonn ta’ aktar dixxiplina fihom. Dawn mhux ser jaħdmu għaliex, ibqgħu fuq kliemi, dawk li ser jappuntaw fuqhom iħaddnu din il-politika woke.
Għalhekk forsi li kieku jimmilitaw għal aktar dixxiplina fl-iskejjel tal-gvern, is-sitwazzjoni tkun aħjar. Forsi li kieku jippriedkaw aktar dwar id-dover milli dwar il-mantra tad-drittijiet, l-affarijiet jibdew jinbidlu b’mod partikolari fl-iskejjel tal-gvern. Forsi xi darba jifhmu li fid-dinja hemm dak li huwa assolut, u dan jgħodd fl-edukazzjoni wkoll. Kieku l-MUT u l-membri tagħha jieqfu milli jippromwovu l-ideoloġija woke, forsi s-sitwazzjoni fl-iskejjel tal-gvern tibda tmur ‘il quddiem. Magħhom wieħed irid ukoll jgħid li din l-politika woke hija llum mħaddna minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Bl-iskuża ta’ inklussivita’, ma jneħħux disruptive students mill-iskola li qed jattendu b’detriment għall-għalliema u studenti l-oħra li jridu jistudjaw. Għaliex finalment huwa fl-iskejjel tal-gvern fejn hemm l-akbar problemi tad-dixxiplina. Meta dawk privati jew tal-knisja jkollhom xi disruptive student li ma jistgħux isibu tarfu, jieqfu jitkellmu fuq inklussivita’ u jibgħatuh f’tal-gvern. Dawn l-istudenti jispiċċaw jagħmlu ħerba fil-klassijiet tal-kulleġġi tal-gvern u l-uffiċjali tal-edukazzjoni jibqgħu jiddefendu dawn id-disruptive students b’detriment għall-istudenti u l-għalliema!
Mela b’aktar dixxiplina u inqas politika woke, il-vjolenza fuq l-għalliema tista’ tonqos u r-riżultati tal-istudenti fl-iskejjel tal-gvern jistgħu jitjiebu mil-livell diżastruż li ġa jinsabu fihom. Il-bqija huwa kollu biki tal-kukkudrilli jew agħar ħela ta’ risorsi. Jekk ma jsirx hekk, l-MUT ser tkompli tkun kompliċi fit-tradiment ta’ uliedna u fuq kollox fil-waqa’ tal-livell ta’ edukazzjoni ġewwa pajjiżna b’mod speċjali fl-iskejjel pubbliċi!