Karreġġjati speċjali għal tal-Linja mhux ser isolvu l-problema tat-traffiku: anzi ser tagħmilha agħar.
Minn osservatur politiku
Skond il-Ministru tat-Trasport, Aaron Farrugia, f’pajjiżna għandna bżonn bdiel kulturali fl-użu tat-trasport pubbliku. Dan intqal mill-istess ministru waqt intervista li kellu ftit tal-ġranet ilu, meta ammetta li ma għandux bakketta maġika biex jaġevola l-problema tat-traffiku f’Malta u Għawdex.
Meta mistoqsi dwar il-fatt li t-toroq tagħna għadhom mifqugħin bil-karozzi, Farrugia użu l-istess kliem li ilna nisimgħu għal snin sħaħ. Huwa ammetta li l-poplu xorta ma jridx juża t-trasport pubbliku għas-sempliċi raġuni li ma jistax iżomm il-ħin għax jinqabad xorta fit-traffiku bħal karozzi oħra. Huwa saħanistra ammetta li kull min isuq il-karozza tiegħu mhuwiex is-soluzzjoni għall-problema imma għall-kuntrarju huwa parti mill-problema.
Kompla jammetti li anke jekk ikollna miljun karozza tal-linja fuq it-toroq tagħna xorta l-poplu ma jużax dan is-servizz għas-sempliċi raġuni li kull karozza tal-linja ser tinqabad fit-traffiku u kif inhi s-sitwazzjoni illum ma tistax tagħti garanzija fuq kemm ser iddum biex tasal.
Fl-intervista huwa qal li hemm bżonn li l-karozzi tal-linja ikollhom il-karreġġjati tagħhom. F’dan il-każ ma ħariġx b’xi idea ġdida li qatt ma ġiet suġġerita. Dan il-kunċett kien suġġerit 17-il sena ilu fil-pjanijiet lokali li kienu ħarġu dak iż-żmien. Dak iż-żmien kien intqal li kien hemm bżonn ta’ karreġġjati strateġiċi għal tal-linja ħalli jkunu jistgħu jżommu l-ħin tagħhom skond l-iskeda. Infakkar li kienu saru xi karreġġjati u dawn kienu spiċċaw ikkreaw aktar konfużjoni u traffiku fit-toroq tagħna.
B’hemm minn 17-il sena ilu ‘l hawn, dawn il-karreġġjati kważi ma għadhomx jeżistu. Baqa’ waħdiet minnhom. Anki meta saru, il-poplu xorta ma fadax lil tal-linja li jaslu fil-ħin tant li minn dak in-nhar ‘l hawn il-problema kompliet tiggrava. Mela jekk il-ministru ser jimplimenta din l-iskema, aktar ser ikollu konfuzzjoni u tgergir fit-toroq tagħna.
Min-naħa l-oħra. l-idea tal-lum, jiġifieri dik ta’ twessiegħ tat-toroq, kull ma qed tagħmel huwa li jinsterqu ħafna artijiet verġni minn pajjiżna waqt li joffru soluzzjonijiet temporanji.
Dak li hemm bżonn hu kunċetti ġodda ta’ trasport. Biex persuna ma tibqax tuża l-karozza tagħha, trid servizz aħjar. Fuq kollox irid ikun hemm planning aktar tajjeb li ma hemmx. Għaliex tfal tal-iskejjel tal-gvern jintbagħtu fi skejjel bogħod mid-dar tagħhom meta jistgħu jintbagħtu f’dawk qrib? Nifhem ir-razzjonal li kien hemm wara din l-iskema imma ħadd ma qies l-impatt li din qed tħalli fuq it-toroq tagħna. Tridu ftit eżempji? Għala t-tfal ta’ Raħal Ġdid jintbagħatu il-Ħamrun meta jistagħu jintbagħtu Santa Luċija? Jekk jibdew imorru Santa Luċija, jistgħu jmorru bil-mixi. Għala t-tfal ta’ Marsaxlokk jintbagħtu l-iskola ta’ Santa Lucija meta jistgħu jmorru ż-Żejtun li hija eqreb? Żgur li ftit razzjonalita tajba tnaqqas it-traffiku mit-toroq.
Għalhekk hemm aktar bżonn ta’ sinerġiji biex jaslu biex isiru l-affarijiet. Jekk le, inkwiet ser jibqa’ jkollna fit-toroq tagħna. Xi drabi nħoss li mhux veru hemm ħeġġa biex din il-problema tat-traffiku tiġi attakkata kif suppost.
