“Dmir il-PN mhux li jgħid liema ministri għandhom jirreżenjaw iżda li juri lill-poplu li mhux fil-poltika għall-istess raġuni li qiegħed fil-politika l-Partit Laburista.”

Minn Edwin Vassallo

Meta qabillu Robert Abela waddab il-ħtija fuq il-ministri tiegħu u meta qabillu faħħar l-istess ministri. Dawn il-manuvri fihom inifushom juru l-istat ta’ inċertezza u nkoretteza li bih jimxi dan il-gvern liberali ta’ xejn ma hu xejn. Dawn l-atteġġjamenti tal-Prim Ministru jixhdu :

  1. Il-faqar ta’ korretezza fil-governanza tajba ta’ dan il-pajjiżna.
  2. L-istandard baxx u nuqqas ta’ serjeta’ fl-impenn lejn is-sewwa. Tant sar għadna politiċi li jemmnu li darba huma fil-gvern jistgħu jagħmlu li jridu, li kull ma jagħmlu huwa dejjem tajjeb u ma jaċċetawx li jeżisti dak li jgħidulu atteġġjament irresponsabbli.
  3. Għal dawn il-politiċi jiswa biss li wieħed jżomm il-ħakma tal-poter f’idejh u dak kollu li jista’ jagħmel biex iżomm il-ħakma tal-poter f’idejh huwa ġust.
  4. Robert Abela ma hux moralment b’saħħtu u għalhekk mhux liberu biex bħala Prim Ministru iwarrab ministri li mhux jerfgħu r-responsabbilita’ politika tagħhom. Dan ifisser li Robert Abela huwa maħkum minn ta’ taħtu u jibża’ jieħu azzjoni għal ġid tal-poplu.
  5. La darba Robert Abela kull ma jimpurtah huwa l-image tal-gvern tiegħu, ma jimpurtahx li jieħu azzjoni li tixhed id-determinazzjoni tal-istess gvern li f’pajjiżna l-istess gvern jara poplu jgħix f’aktar sigurta’ u b’inqas kriminalita’.
  6. Il-fatt hu li Robert Abela jimpurtah biss mis-sigurta’ tal-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru u jibża’ biss li jżomm relazzjoni tajba ma’ sħabu l-ministri li ma jmorrux iduru kontra tiegħu u jitolbuh jirreżenja kif kienu għamlu numru ta’ ministri ma’ Joesph Muscat. Dan jixhed li Robert Abela qiegħed imexxi gvern arroganti. Gvern li jimpurtah mis-sigurta tal-pożizzjoni tiegħu biss u jiġi jaqa’ u jqum mis-sigurta’ tal-poplu tiegħu.

Dan kollu juri li la darba għadna gvern li dak li jaħseb li jista’ jagħmel skont hu jitqies ġust u tajjeb, filwaqt li jista’ jkun ħażin, allura bħala poplu għadna sitwazzjoni perikoluża għaliex issa l-ħtiġijiet tal-poplu u l-pajjiż ma għadhomx il-priorita’ ta’ dan il-gvern iżda l-priorita’ hi li akkost ta’ kollox Robert Abela u sħabu jibqgħu biss fil-Gvern.

Dan kollu iqiegħed lill-PN dahru mal-ħajt waħda sewwa. Dmir il-PN mhux li jgħid liema ministri għandhom jirreżenjaw iżda li juri lill-poplu li mhux qiegħed fil-poltika għall-istess raġuni li qiegħed fil-politika l-Partit Laburista. Fi kliem ieħor, il-poplu jrid oppożizzjoni li taf xi trid u taf x’inhi.

Il-qofol tal-kriżi f’pajjiżna ma għadhiex l-istat tal-governanza ta’ dan il-gvern u kemm din hija moralment ġusta. Il-qofol tal-kriżi tinsab fil-politici li biex jirbħu l-voti akkost ta’ kollox lesti jwarrbu l-valuri umani, li fuq kollox huma wkoll valuri nsara. Hawn qed nitkellmu fuq valuri li dwarhom jista’ jaqbel kulħadd. Fejn fil-politika ma hemmx valuri u fidi fid-dinjita’ umana, hemm biss fidi fil-flus u s-saltna tal-flus hija l-bidu ta’ kull kriminalita’ u kaos morali u anki soċjali.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *