Il-Partit Nazzjonalista mhux qed juri kapaċita’ li jieħu vantaġġ mill-arja negattiva li hemm madwar il-gvern tal-Lejber
Minn osservatur politiku
Il-Partit Nazzjonalista għandu jaħtaf l-okkażżjoni u jirkeb fuq il-karru tat-tgergir li hawn fil-Gvern bħalissa. Il-kritika li qed jirċievi l-Gvern tal-ġurnata hija qawwija u donnu kollox qed jiġi kritikat, anke sempliċi ftuħ ta’ proġett. Wieħed mid-deputati li qed juri grinta huwa Adrian Delia.
Imma l-Partit Nazzjonalista raqad raqda twila u ma jistax jistejqer. Donnu għadu llupjat u ma jistax jieħu r-ruħ wara it-telfa tal-2013 li kienet il-bidu ta’ sensiela ta’ telfiet li waqqgħet lill-partit f’nuqqas kbir ta’ ħeġġa. Il-Partit Nazzjonalista missu qiegħed jirranka fuq quddiem mal-elettorat imma ma tantx jidher li jeżisti xi tip ta’ politika li twasslu għal dik is-sitwazzjoni.
Huwa sinifikanti ħafna kif partit kbir bħal ma hu l-Partit Nazzjonalista ma jistax isib viżjoni li biha jqarreb lill-istess partit lejn il-votant. Jidher li dan il-partit niżel f’ħofra u ma jistax jitla’ minnha. Imma l-ikbar sfortuna tidher li hi li hemm nuqqas kbir ta’ determinazzjoni biex iwettaq dak li suppost partit politiku għandu jagħmel. Ma qed jirbaħ xejn minn dak in-nuqqas ta’ appoġġ li għaddej lejn il-Gvern tal-ġurnata.
Kemm ser idum jaħsibha biex jixtarr sewwa s-sitwazzjoni tiegħu? Kemm ser idum biex jagħmel eżami tal-kuxjenza profond biex forsi jiftaħ viżjoni għal futur kemm qarib kif ukoll fit-tul? In-nuqqas ta’ ħeġġa qed twasslu biex jarmi kull okkażżjoni li fiha jista’ jirkeb fuq l-iżbalji tal-Gvern.
Tibda’ tinkwieta li din is-sitwazzjoni mhux ġejja biss minn apatija imma qed tirriżulta minħabba nuqqas ta’ kapaċita’ li teżisti fost il-grupp parlamentari li għandu l-Partit Nazzjonalista bħalissa. Tisma’ diversi kelliema fil-partit li ma jwasslux biex jagħmlu kuraġġ lill-elettorat li jibda’ jaħseb li hemm xi xaqq dawl f’dan il-partit. In-nuqqas ta’ kapaċita’ mhux qed tintwera minn xi individwi li jafu jesponu l-argumenti tagħhom imma donnu hemm nuqqas bħala grupp. Donnu dan il-grupp ta’ parlamentari mhux qed ikun kapaċi biex joħroġ bi ħsibijiet konġunti li jirriflettu l-għaqda li suppost hemm fil-Partit Nazzjonalista. Donnu kulħadd qed jaħdem fuq livell personali u mhux għall-ġid tal-partit kollu.
Dan huwa żmien propizju jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel xi ħaġa biex jibda jistejqer u jżid l-appoġġ ġenerali. Huwa ħażin li s-surveys qed jagħtu ndikazzjonijiet negattivi fejn jidħol l-appoġġ tal-partit. Iż-żmien huwa idoneu li jissaħħaħ l-attakk fuq il-partit fil-gvern biex l-arja negattiva li għandu madwaru Robert Abela u sħabu, tinbidel fi żmien ta’ tiġdid għall-Partit Nazzjonalista.
Holm, holm u izjed holm….min partitarju mifni bil lethargija