Il-kap tal-Partit Nazzjonalista u l-kelliem tal-Finanzi mhux jaqblu bejnithom

Minn osservatur politiku

Il-kelliem tal-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruna Cilia, fi blogg qal hekk: “Ħa nibda billi nkun ċar, nifhem iċ-ċirkostanzi diffiċli internazzjonali u kif sħaqt kemm ‘il darba, kull għajnuna lill-vulnerabbli u lill-familji trid tingħata. Għaldaqstant, naqblu mal-għajnuna li tingħata mill-Gvern dwar dan”. Għall-kuntrarju Bernard Grech, meta kien qed jindirizza l-Kamra tal-Kummerċ, qal hekk: “Li tibqa’ tissussidja l-enerġija żgur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli”.

Mela hawn għandna lill-kap u l-kelliem tiegħu tal-finanzi li mhumiex jaqblu bejniethom. Dawn huma żewġ esponenti li jitkellmu f’isem il-Partit Nazzjonalista li qed jibgħatu messaġġi konfliġġenti fejn tidħol għajnuna lill-familji Maltin u Għawdxin. Ikolli ngħid li fuq din naqbel ma’ Caruana Cilia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jindirizza n-negozjanti, l-imprendituri u s-sieħba soċjali meta qal li s-sussidju tal-Gvern, biex iżomm stabbli l-prezzijiet fl-enerġija, għandu jieqaf għax mhux sostenibbli. Dawk li kienu qed jisimgħu lil Bernard Grech stagħġbu għax kienu huma stess li faħħru l-inizjattivi li ħa l-Gvern fuq l-enerġija.

Bernard Grech tkellem kontra l-għajnuna li l-Gvern qed jagħti fil-kontijiet tad-dawl u fil-prezzijiet tal-fuels tagħna. Nifhem l-argument li qed jagħmel. Imma rridu ngħidu li b’dawn l-inizjattivi, il-prezzijiet tagħna tal-enerġija u tal-fuels baqgħu stabbli u ma għolewx b’ċenteżmu wieħed. Dak li għola ħafna huwa l-prezzijiet tal-ikel u affarijiet oħra, fost is-servizzi. Mela bil-messaġġ tiegħu, Bernard Grech ta’ x’jifhem li jrid imexxi politika ta’ awsterita’ li ser tkompli żżid l-inflazzjoni.

U din hija waħda mir-raġunijiet li l-PN mhux mixi ‘l quddiem. Ma hemmx koordinament bejn il-kelliema tiegħu u qed jidher maqtugħ mill-aspirazzjonijiet tal-poplu. Il-familji Maltin riedu li jkunu mwieżna u jiġu offruti spalla fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Huwa importanti li f’dan iż-żmien diffiċli, il-PN ikun ta’ spalla mal-familji Maltin.

Imma l-PN irid jieqaf jagħmel dawn il-gaffes għaliex mhux qed jittieħed bis-serjeta’ mill-elettorat. Il-messaġġ li qed jintbagħat hemm barra huwa li l-PN ma għandux politika ekonomika u l-anqas għandu ħassieba li jagħtuh vizjoni ekonomika. F’dawn iċ-ċirkustanzi bil-fors ikollok tikkritika lill-PN. Waqt li wieħed irid jgħid li kienet deċiżjoni għaqlija li l-gvern tal-ġurnata żamm stabbli l-prezzijiet fl-enerġija u tal-fuels, min-naħa l-oħra l-gvern mhux qed jirnexxilu jikkontrolla l-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali. Fuq dan il-punt l-Partit Nazzjonalista jrid jagħfas. Ħa nagħti eżempju lilhinn mill-kiel li kulħadd jaf li qed jgħollew l-prezzijiet. Għala computer ta’ ditta partikolari huwa irħas fl-Italja minn f’Malta?

Bil-mod li qed jitkellem il-PN qed juri li hu maqtugħ għal kollox mis-soċjeta’. Qed juri li ma għandux ħassieba warajh. Qed juri li dan hu partit li hu maqtugħ għal kollox minn kif qed jaħseb il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fuq kollox ma jistax jkun li esponenti tal-PN jagħmlu stqarrijiet kontradittorji u konfliġġenti kontra xulxin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *