Ir-Repubblichini b’ħalqhom magħluq fuq il-każ ta’ Matthew Grech, ta’ Stabile, tad-direttur tal-ħabs u fuq iċ-ċensura kontra l-President ta’ Malta
Minn Romegas
L-arroganza iġġib il-għama imma kif jgħid il-Malti, kulħadd isib kappell jiġih. Issa hekk ġralhom ir-Repubblichini li jiftaħru li għalihom tkun ċittadin jiġi l-ewwel u qabel kollox, inkluż qabel l-istess twemmin f’Alla.
Issa matul dawn il-jiem kellna numru ta’ stejjer li kont qed nistenna lir-Repubblichini jitkellmu dwarhom. Kellna ċ-ċensura kontra l-President ta’ Malta fuq dak li qal fuq l-abort. Kellna l-każ ta’ Matthew Grech. Kellna il-każ ta’ Stabile u fuq kollox, il-każ tad-direttur tal-ħabs Brincau. Fuq l-ebda wieħed minn dawn il-każijiet, ma smajna l-anqas kelma waħda mir-Repubblichini, jiġifieri jekk dawn iħossux li l-każ kontra Matthew Grech hu attakk kontra l-ħsieb ħieles jew li l-każ ta’ Stabile iqiesuhx bħala inċitament biex it-tobba jiksru l-liġi u jagħmlu abort. L-anqas qalulna x’jaħsbu fuq il-każ tad-direttur tal-ħabs u jekk dan jikkostitwixxi bżonn tar-reżenja tal-ministru tal-intern. U issa għandna l-istorja taċ-ċensura mill-PBS kontra l-President ta’ Malta. Anki hawn baqgħu b’ħalqhom magħluq għaliex din iċ-ċensura hija marbuta mal-abort.
Infakkar li r-Repubblichini kienu jkunu fuq quddiem jitolbu r-reżenji tal-ministri fuq nuqqasijiet ferm iżgħar jew li ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-karigi politiċi. Ara issa kellna nuqqas ċar minn ministru, jiġifieri Byron Camilleri u ma talbu l-ebda reżenja. Ara issa għandna każ ikrah ta’ ċensura kontra l-president u baqgħu b’ħalqhom magħluq. L-anqas marru jagħmlu camping quddiem id-depot biex jitolbu lill-Kummissarju Angelo Gafa’ biex jinvestiga lil Stabile fuq dak li ntqal dwarha fil-qorti!
Jien kont qed nistenna li r-Repubblichini joħorġu stqarrija fuq il-kummissarju tal-pulizija u jitolbuh biex jerġa jibni r-reputazzjoni tal-korp u jgħidulu li minflok joqgħod jaħli l-ħin tiegħu u tal-korp billi jippersekkwitaw lill-insara fuq l-ordnijiet tal-MGRM jew persuni qrib tagħhom, talli jesprimu l-opinjoni tagħhom kif għandhom kull dritt li jagħmlu taħt il-kostituzzjoni tagħna, iqattgħu ftit aktar ħin jaraw verament min qed jikser il-liġi b’mod illegali u kriminali. Ngħidu aħna, għalfejn ir-Repubblichini għadhom ma tkellmux fuq dak li ntqal fil-qorti dwar Stabile biex jaraw x’ried ifisser eżattament ix-xhud u x’riedet tfisser l-istess Stabile meta mingħajr ħadd ma staqsiha tefgħet pressjoni mhux mixtieqa fuq konsulenti fl-isptar ta’ pajjiżna, u qaltlu ‘taf x’għandek tagħmel!’
Jaħsbuna ċwieċ dawn sħabna r-Repubblichini? Ara fuq dawn l-affarijiet ma jikkritikawx lill-korp tal-pulizija u l-kummissarju Gafa’! Jaħsbuna ċwieċ min jaħseb li jista’ jgħaddi romblu minn fuqna? Jaħsbu li huma biss jistgħu jilagħbu l-logħba legali? Ara issa dik morali m’għadhiex tiswa’!
After Hubris comes Nemesis kienu jgħidu l-Griegi jew kif qal Freddie, ‘il-kbir għadu ġej.’
Interressanti wkoll u tinsewx, kif quddiem dawn l-oxxenitajiet, il-PN u r-Repubblichini u dawk kollha li jilagħbu l-logħba tar-Rule of Law, issussidjati mill-UE u minn Soros, baqgħu fommhom magħluq. Anzi salvahom ftit Edwin Vassallo bl-artiklu tiegħu fuq dan is-sit.