Il-President tar-Repubblika jiġi ċċensurat fuq dak li qal kontra l-abort.
It-Times irrappurtat li gruppi favur l-abort irrappurtaw lill-PBS lill-Awtorita’ tax-Xandir wara li l-President tar-Repubblika ġie ċċensurat dwar dak li qal kontra l-abort fir-rappurtaġġ tal-aħbarijiet. Fi kliem ieħor ma qalu xejn dwar dak li qal li l-President tar-Repubblika dwar il-fatt li hu kontra l-abort. Dan il-fatt ta’ ċensura juri biċ-ċar kemm il-gvern u l-oppożizzjoni qed jibżgħu li din l-emenda li biha ser jiddaħħal l-abort f’Malta, ser ittellifilhom il-voti. Fi kliem ieħor, qed jibżgħu li din l-emenda ser ikollha effett fuq l-andament tagħhom fl-elezzjonijiet tal-2024. Il-biża’ huwa ikbar għaliex jista’ anki jkollha effett fl-elezzjoni ġenerali li jmiss allavolja qed tiddaħħal fil-bidu tal-leġislatura. Il-partit fil-gvern ipprova jilgħab il-karti tiegħu sewwa meta għażel il-perjodu tal-Milied biex iressaq din l-emenda taħraq għall-approvazzjoni tal-parlament. Għaraf li dan hu l-aħjar żmien jew iż-żmien perfett biex ikun ċert li jiġri x’jiġri, l-effett tal-emenda ma jibqax jinħass fi żmien elezzjoni jew oħra.

Imma xi ħaġa li ma stenniex kienet ir-reżistenza li qed isib għaliha fost il-poplu, inkluż fi ħdan l-istess partit tiegħu. L-idea kienet li meta jasal iż-żmien tal-elezzjonijiet, din l-emenda tkun ġiet aċċettata u tintesa bħal ma jintesew ħafna liġijiet oħra. Imma jidher li mhux ser jiġri hekk. Anzi issa għandna l-President tar-Repubblika li qed iżomm din il-fjamma mixgħula.
L-istess ġara fil-PN. Dan il-partit kien qed imexxi aġenda liberali. Kellu jibdel ir-rotta minħabba pressjoni li sab minn fost il-poplu. Imma f’daqqa waħda, waqaf jitkellem dwarha. Għal darba oħra, kellu jkun il-President tar-Repubblika li jkun il-leħen tal-maġġoranza tal-poplu fin-nuqqas tal-Oppożizzjoni. Normalment, il-Partit Nazzjonalista jipprotesta mal-Awtorita’ tal-Xandir fuq kull iċken tentufa. Din id-darba baqa’ b’ħalqu magħluq baqa’ fuq din iċ-ċensura kontra l-President ta’ Malta. Kellhom ikunu l-għaqdiet kontra l-abort li jipprotestaw.
Jidher li ż-żewġ partiti jixtiequ l-impatt ta’ din l-emenda jispiċċa malajr u din ma tkunx kwistjoni elettorali, b’mod speċjali fl-elezzjonijiet Ewropej wara l-bieb. It-tnejn iridu li sakemm jaslu l-elezzjonijiet tal-Ewropa, din il-kwistjoni tkun intesiet mill-elettorat. Jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, dak li ser jiġri fl-elezzjoni Ewropej huma li jiżdiedu l-astensjonijiet. Jistgħu saħansitra jitilgħu sa 100,000 elf. S’issa ġa qegħdin 60,000. Ovvjament l-elezzjonijiet jiġu deċiżi fuq dawk li joħorġu jivvutaw u hawn nerġgħu naraw l-logħob bin-numri.
Għalhekk it-tnejn jaqblilhom li din l-emenda tintesa. Dak li ġara imma li din l-emenda nqabdet ma’ tiżgwid ieħor li għaddej bħalissa fil-Lejber u fil-Partit Nazzjonalista. B’hekk l-impatt negattiv tagħha fuq il-Lejber kiber. U jidher li anki ser ikollha impatt ħażin fuq il-PN. Min-naħa l-oħra, il-President tar-Repubblika baqa’ jżomm mal-prinċipji tiegħu.
Waqt li din l-emenda tat lil Bernard Grech u lill-Partit Nazzjonalista l-possibilita’ li jopponi lill-Gvern, in-nies xorta ma għandix fiduċja fil-Partit Nazzjonalista u qed tara din l-oppożizzjoni bħala waħda ta’ konvenjenza milli ta’ konvinzjoni. Għall-inqas, dan hu tajjeb lill-NGOs li qed imexxu l-kampanja kontra l-abort għaliex mhux qed jidhru li huma biċċa waħda mal-PN. Fil-fatt ma humiex. Dan hu tajjeb anki lill-President tar-Repubblika għaliex il-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort qatt ma tista’ tkun interpretata bħala waħda partiġġjana. U dan jispjega għala l-NGOs u l-President tar-Repubblika qed jikbru fil-popolarita’ tagħhom mal-elettorat. U hawn fejn qed jitlef il-PN għaliex mhux qed ikun kredibbli anki mal-vot konservattiv tiegħu stess.
Il-verita’ hija li l-maġġoranza tal-poplu Malti huwa kontra l-abort. Anki jekk jidher li l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sab argument biex ikollu kwistjoni fejn jista’ jattira ħafna iżjed lill-poplu Malti u Għawdxi, xorta pożizzjonijiet li ħadu diriġenti tiegħu, ibda minn Roberta Metsola, ma għinux lill-Partit Nazzjonalista. U hawn fejn tinsab il-vera raġuni għala l-Partit Nazzjonalista jrid jagħlaq dan il-kapitlu daqs kemm jixtieq jagħlqu l-Partit Laburista. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikollu nies li f’Malta jgħidu li huma kontra l-abort f’Malta u fl-Ewropa jgħidu bil-kontra biex jissalvaggwardjaw is-salarju ta’ fuq minn 300,000 ewro fis-sena!
Hu ċar li l-PN qatt ma qara sew is-sinjali taż-żminijiet fost il-partiarji tiegħu. Anzi d-diriġenti tiegħu raw l-interessi ta’ bwiethom l-ewwel u qabel kollox. Għalhekk issa qed jidher li bħala partit qed jieħu pożizzjoni kontra l-abort biex ikun simpatikanti mal-maġġoranza tal-poplu anki jekk it-top brass tiegħu ma jemmnux f’dak li qed jigħidu għaliex f’qalbhom iridu partit abortista kif qed tgħidilhom l-Ewropa. Mela din l-istorja tkompli turi kemm verament il-President tar-Repubblika huwa sid tiegħu nnifsu!
Mela, issa hu għall-Partit Nazzjonalista li jara fuq liema naħa tal-istorja jrid ikun. Il-President tar-Repubblika ta’ Malta jaf fuq liema naħa tal-istorja jrid ikun. Dak li ma jridx jagħmel il-PN huwa li jaqa’ fl-istess żball tal-gvern u jaħseb li l-elezzjonijiet huma fil-bogħod u li l-poplu Malti ser jinsa jew jaħfer li min – kemm fil-gvern u anki fl-oppożizzjoni – irid daħħal l-abort u l-qerda tat-trabi ġewwa pajjiżna għaliex hekk qed jordawlu l-burokratiċi tal-Ewropa mħallsa eluf ta’ Ewro mit-taxxi tagħna.