Għaliex il-media mhux qed titlob għar-reżenja tal-Ministru Camilleri wara l-kundanna kontra d-direttur tal-ħabs?

Minn Osservatur Politiku

Il-Prim Ministru ma jsib ebda raġuni għaliex il-Ministru tiegħu, Byron Camilleri, għandu jirriżenja. Dan wara li d-direttur tal-ħabsijiet instab ħati u ġie mogħti sentenza sospiża mill-qrati meta kien qiegħed f’din il-kariga. Veru li dan id-direttur irriżenja mill-ewwel wara li ħarġet is-sentenza u veru wkoll li din ir-riżenja ġiet aċċettata, imma wieħed irid jara x’kien l-atteġjament tal-Ministru matul din l-istorja.

Meta sar magħruf li d-direttur tal-ħabs kien ser jitressaq il-qorti, il-ministru ħareġ jiddefendih u ma riedx li jkun sospiż anki jekk l-akkuża kienet serja u kienet relatata max-xogħol tiegħu. Id-direttur tal-ħabs uża arma tan-nar li kienet qegħdha għandu minħabba l-kariga tiegħu ta’ direttur tal-ħabs.

Infakkar li l-Prim Ministru kien jaf aktar minnha kif ġraw l-affarijiet, hu xorta ħass li kellu jiddefendi lill-ministru tiegħu u jgħid li dan huwa wieħed mill-ministri li l-aktar li jaħdem u huwa produttiv. Infakkar li l-istess Prim Ministru qal dan il-kliem wara li kien għadu kif ikkritikah indirettament dwar in-nuqqas ta’ sigurta’ fit-toroq tagħna.

Imma jidher li l-Prim Ministru ma għandu l-ebda ħsieb li jiddixxiplina lill-ministru tiegħu li ħalla kap tal-ħabs fil-kariga waqt li kien qed ikun mixli fil-qorti u l-anqas biss talab is-sospenzjoni tiegħu. Kieku l-ministru ssospenda lid-direttur tal-ħabs, kieku ma kienx ikun hemm dawn il-problemi kollha li qed jinqalgħu.

Joħroġ ċar imma li kemm il-Prim Ministru, kif ukoll il-Ministru Camilleri riedu jħallu lid-direttur tal-ħabs fil-kariga biex tkun ikkreata pressjoni fuq il-qorti li l-persuna li qed tkun ipproċessata mhix waħda kwalinkwe imma persuna li hija direttur tal-ħabs u għandha l-fiduċja tal-ministru tal-intern u anki tal-Prim Ministru. Imma l-qorti ma waqgħetx għal din il-provokazzjoni u xorta tat il-verdett li ħasset li għandha tagħti.

Min-naħa l-oħra, jidher li l-prim ministru u anki l-ministru tal-intern indunaw li din il-logħba ta’ pressjoni fuq il-qrati ma kienetx ser taħdem u kienu ippreparati li appena joħroġ il-verdett u jirriżenja Brincau, kienu pronti nnominaw persuna oħra bħala direttur.

Kif saru l-affarijiet, jidher ċar li l-Gvern kien qed jaf li Brincau kien għamel xi ħaġa kundabbli mill-qorti u li tagħha kien ser jinstab ħati. B’hekk ir-risponsabilita’ tal-ministru f’dan il-każ hija akbar għaliex kien jaf li l-affarijiet ma kienux sew u xorta ħalla direttur fil-kariga. Anzi, ħareġ li anki meta kien jaf li l-affarijiet ma sarux sew, il-Ministru Camilleri baqa’ jiddefendi lid-direttur tal-ħabs sal-aħħar.

Barra li din turi r-riga’ differenti li uża l-Ministru Camilleri ma’ Alex Dalli, turi wkoll li gravita’ politika ta’ dan il-każ. Dawn il-ħsibijiet jiġu meta tifhem kemm kienu pronti biex sabu sostitut ta’ Brincau mingħajr, kif irrapporta dan is-sit, isibu sostitut minn fost l-uffiċjali tal-ħabs.

Ta’ dan biss ukoll għandu jerfa’ r-responsabilita’ l-Ministru Camilleri. Dan il-Ministru missu kien jaf aħjar u missu wiżen f’moħħu kemm kienet serja l-aggravazzjoni li ġie akkużat biha Brincau u messu mill-ewwel issospenda lil dan id-direttur tal-ħabsijiet.

U hawn fejn toħroġ l-ipokrezija tal-media. Meta kien hemm Alex Dalli direttur, il-media kienet qaqoċċa u baqgħet għaddejja bil-kampanja tagħha sakemm spiċċat biex Alex Dalli kellu jitlaq anki jekk dan qatt ma ttella’ l-qorti fuq xi akkuża u qatt ma ttella’ l-qorti akkużat li uża l-arma tiegħu kontra xi ħadd. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-media ħadmet mod ieħor u nsiet kull prinċipju marbut mar-rule of law u qatt ma talbet għar-rezenja tal-ministru.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *