Where your opinion counts

Wara dak li ġara f’Ta’Xbiex tiżdied l-għajta li Aaron Farrugia ser jitlef postu minn ministru tat-trasport u infrastruttura fir-reshuffle li jmiss

Ilbieraħ, Lovin Malta tagħtna l-aħbar kif ministru jista’ jispiċċa fuq in-naħa l-ħażina, kif jgħidu bl-Inġliż for the umpteenth time. F’dak li jidher bħala l-ġenn biex tinqata’ ż-żigarella ta’ proġett li kien ilu għaddej, wassal biex l-affarijiet saru nofs leħja u jirriżultaw f’redikulaġni assoluta. Dan ġara wara li l-Ministru Aaron Farrugia mar jaqta’ ż-żigarella ta’ proġett ġo Ta’ Xbiex u ftit tal-ħin wara għamlet ix-xita u għereq kollox.

Din is-sitwazzjoni qed narawha sikwit tiġri f’pajjiżna. Xogħol magħmul minn entita’ jitlesta u jitħalla xogħol ieħor fil-viċinanzi minn entita’ oħra mhux spiċċut. Din hi r-raġuni maħruġa mill-awtoritajiet għall-vroma li saret bil-ftuħ tal-promenade ta’ Tax-Xbiex. Ma jistax ikun li entita’ waħda tlesti ix-xogħol u jkollha ġenn biex tvara l-proġett u entita’ oħra fl-istess żona tħalli x-xogħol lura. Jidher ċar li fuq il-proġetti tal-gvern ma hemmx koordinament. Naħseb li dan hu każ ieħor ta’ entitajiet importanti li l-anqas ma qed jiġu kkunsultati u meta jiġu kkunsultati jkun tard wisq.

Dan in-nuqqas ta’ ftehim fix-xogħol bejn żewġ jew aktar entitajiet tal-Gvern qed jirriżulta f’ineffiċjenza kbira. Kif jista’ jkun li ma jkunx hemm ftehim ta’ kif jew meta ser jitlesta ċertu xogħol biex proġett ikun mibdi u spiċċut kollu u mhux biċċa lest u biċċa għadu lura?

Skont dan ir-rapport tal-Lovin Malta, il-Grand Harbour Regeneration Project lestiet il-biċċa tagħha imma kellha ssofri minħabba entita’ oħra li waqgħet lura fix-xogħol fl-istess żona fejn marru jiċċelebraw l-inawgurazzjoni. Imsomma, din hija spjegazzjoni ta’ “damage control” li toħroġ beraħ in-nuqqas ta’ koordinament bejn il-ministeri u l-entitajiet pubbliċi.

B’hekk tiġi mibnija l-perċezzjoni ta’ dak li jiġri fil-ġenn li tinqata’ ż-żigarella għal proġett li suppost lest. Fid-deher entita’ li tkun għamlet ix-xogħol toħroġ ta’ ċuċ minħabba entita’ oħra. Dawn huma affarijiet li jiġru ta’ sikwiet anke f’xogħol infrastrutturali fuq it-toroq, meta titlesta triq u wara ftit taż-żmien terġa’ tinqala’ biex jingħaddu servizzi oħra minn xi entita’ differenti. Dawn huma żbalji li ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż nibqgħu għaddejjin bihom.

Imbagħad ikun hemm entitajiet li jieħdu għalihom għax ikunu kritikati u tarahom jivvintaw kull skuża biex jilqgħu għall-istess kritika. Imma ħadd ma hu qed jistaqsi jekk ċertu entitajiet qattx ikunu ikkunsultati jew inkella jiġu kkunsultati wara li l-vroma tkun saret. F’dan il-każ, kemm il-Harbour Regeneration ħadet inkonsiderazzjoni l-qlib tal-ilma?

Imbagħad hemm raġuni oħra li kont nistenna l-media titkellem dwarha. Għala l-media ma tistaqsix kemm fil-verita’ dan il-ministeru, li llum imexxi Aaron Farrugia, għandu nies tekniċi u ta’ stoffa ġewwa fih? Veru li dan hu ministeru bla nies tekniċi u bla nies? U kif jista’ jkollok ministeru li jikkoordina l-infrastruttura u jitħalla bħal nies tekniċi?

Il-poplu xeba’ jisma’ b’dawn l-istejjer li juru l-mod dilettantesk ta’ kif qed isiru l-affarijiet. Il-poplu jrid li jagħmel is-sagrifiċċju sa kemm isir ix-xogħol, imma jistenna li x-xogħol isir kollu, bi professjonalita’ assoluta minn kulħadd, mhux b’nuqqas ta’ koordinazzjoni jew jiġu kkreati ministeru għall-isem biss.

Dak li hu żgur li ġa qegħda ċċaqċaq li fir-reshuffle li jmiss, Aaron Farrugia ser jitlef postu. Bla dubju hu dan in-nuqqas ta’ nies tekniċi, jiġifieri li kreazzjoni ta’ ministeru li fih ma jkollux nies kapaċi li qed iġġib lil dan il-ministru biex jispiċċa jaqa’ għaż-żufjett u wara li jmur jaqta’ iż-żigarella, parti mit-triq tegħreq bl-ilma mal-ewwel xita.

Jista’ xi ħadd jemmen li dawk kollha li jużaw dan il-promenade ġdid iħossuhom kuntenti li tlesta x-xogħol u tlesta b’mod tajjeb? Jista’ jkun li tkun miexi fit-triq jew fuq il-promenade u tħares in-naħa l-oħra u tara għadajjar kbar tal-ilma għax ix-xogħol fin-naħa l-oħra tat-triq baqa’ ma tlestiex.

F’dan il-pajjiż hemm bżonn nisserjaw. Hemm bżonn li gvern jikkrea ministeri ta’ veru u mhux tal-isem. Hu importanti li f’dan il-pajjiż isir xogħol ta’ livell għoli ħalli kulħadd igawdi minn infrastruttura moderna.

2 thoughts on “Wara dak li ġara f’Ta’Xbiex tiżdied l-għajta li Aaron Farrugia ser jitlef postu minn ministru tat-trasport u infrastruttura fir-reshuffle li jmiss

Leave a Reply to saviour stivala Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *