L-attakki fuq il-kap tal-Oppożizzjoni
Minn osservatur politiku
Mingħajr ebda dubju l-attakki li għaddejjin bħalissa fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni juru li Bernard Grech tilef kull forza u stabilita’ li seta’ kellu meta tellaq kontra Adrian Delia għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Jekk dak iż-żmien kellu xi ftit momentum, jidher ċar, mill-kummenti li għaddejjin bħalissa, li tilef kollox.
Dan kien ġa beda jintwera ħafna ċar meta Bernard Grech tilef bil-kbir l-elezzjoni ġenerali tal-2022 imma b’mossa mhux mistennija, baqa’ jirreżisti li jirriżenja u fil-fatt il-Partit Nazzjonalista baqa’ jitmexxa minnu. Hu għamilha ċara li ried jibqa’ tant li kien għadu lanqas ixxandar ir-riżultat tal-elezzjoni li ma ddikjarax li qed jitlob fiduċja iktar qawwija mill-kunsilliera tal-partit biex jibqa’ jmexxi. U xi ħaġa tal-iskantament, u li saret għall-ewwel darba, kap li jkun tilef elezzjoni b’numru record, baqa’ għaddej bit-tmexxija qisu ma ġara xejn u l-anqas intalab rapport tat-telfa.
Imma l-aktar ħaġa stramba minn dan kollu kienet li Bernard Grech kien qal li hu għad għandu x’joffri lill-partit u lill-pajjiż. Nemmen li dan veru. Minn dak li ġara u għadu qed jiġri minn wara l-elezzjoni ġenerali sal-lum, joħroġ b’mod kristallin li Bernard Grech jinsab imexxi partit mitluf. Jekk kien hemm kritika qabel l-elezzjoni, din issa żdiedet ħafna, tant li llum ma tantx issib min jikkummenta biex ifaħħar it-tmexxija tiegħu.
Irridu ngħidu li Bernard Grech tjieb fil-mod kif iwassal id-diskorsi tiegħu, imma viżjoni għall-Partit Nazzjonalista hija nieqsa. Il-kap tilef kull appoġġ li seta kellu minn dawk ta’ madwaru anki jekk wieħed irid jgħid ukoll li kienet din l-għażla ħażina li wasslet biex il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali bil-kbir. B’hekk minn barra jidher li kulħadd abbandunah u ma fadallu ħadd minn dawk il-kapurjuni li kellu fis-segretarjat tiegħu. Imma forsi dan hu ta’ ġdid għal partit għaliex dawn il-kapurjuni għamlu ħafna ħsara. Għalhekk dan jaf ikun ikun ta’ ġid jekk Bernard Grech jerġa’ jużah biex jerġa’ jibni mill-ġdid il-partit.
Kulħadd qed jistaqsi l-mistoqsija jekk dan jistax jiġri. Dan hu dak li jfisser meta wieħed jistaqsi x’aspirazzjonijiet qed joffri Dr Grech lill-elettorat jew lill-partit? X’ser ikun it-timbru ta’ dan il-kap fuq il-Partit Nazzjonalista? Dak li hu żgur li s-surveys qed jindikaw li bħalissa l-Partit Nazzjonalista għandu l-inqas numru ta’ nies li jafdawh. F’dan il-kuntest, wieħed jifhem is-suġġeriment politiku li sar minn dan is-sit lil Bernard Grech dwar il-pass li għandu jieħu.
Kif qal tajjeb Edwin Vassallo f’artiklu li kiteb għal dan is-sit, il-problema mhix Bernard Grech imma l-mod kif tkeċċa Adrian Delia. Dan wassal biex Bernard Grech qatt ma seta’ jsib saqajh bħala kap. Hija minħabba din l-istorja li l-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu ħafna aktar disfatti li ser ikomplu jressqu lill-istess partit għal disintegrazzjoni sħiħa. Kienet din l-istorja li wasslet biex il-Partit Nazzjonalista jista’ llum jippretendi biss li huwa oppożizzjoni meta fil-fatt ma għandniex oppożizzjoni. Huwa minħabba din l-istorja li l-oppożizzjoni tinsab bla tmexxija u bla destinazzjoni.
Dan huwa perjodu li l-Partit Nazzjonalista suppost qed jirriġenera ruħu u suppost qed jibni lilu nnifsu biex ikun jista’ juri li verament teżisti alternanza għall-partit fil-Gvern. Minflok, ninsabu f’perjodu fejn klikek qed jiġu ffurmati biex jaraw minn min fosthom jista’ jkun il-kap futur wara Bernard Grech. Minn dan kollu m’hu qed jieħu xejn il-Partit Nazzjonalista ħlief aktar inkwiet.
Il-partit mhux f’pożizzjoni li jiġbed lejh votanti minħabba dak li għamlu l-Blue Heroes u sħabhom ir-Repubblichini. B’hekk wara għaxar snin fl-Oppożizzjoni ser ikompli jinħela ż-żmien għaliex ir-Repubblichini iridu jibqgħu jiddettaw fil-Partit Nazzjonalista. Ejjew ngħiduha ċara. Hemm politiċi u kardinali li għadhom jaħsbu li jistgħu jiddettaw l-aġenda tal-PN. Dan wassal biex inħaraq Bernard Grech u l-PN mhux qed isib saqajh.
Għalhekk, minħabba kif leħaq Bernard Grech kap – u mhux minħabba fih per se – qatt ma tista’ tinsab il-veru fiduċja fil-Partit Nazzjonalista u r-rebħa elettorali tinsab dejjem il-bogħod.
F’kelma wahda Il pn ghadu mghedi fih innifsu u XEJN AKTAR