Tkompli tikber ir-rabja kontra l-ministru Camilleri; din id-darba fost l-uffiċjali korrettivi tal-ħabs peress li ma ġewx ikkonsidrati fl-għażla għall-kap esekuttiv.

Bħalissa teżisti rabja kbira fost l-uffiċjali korrettivi wara li ħadd minnhom ma ġie ikkunsidrat għall-kariga ta’ kap esekuttiv tal-aġenzija għas-servizzi korrettivi. Din qed titqies bħala sfiduċja tal-ministru risponsabbili mill-ħabs, jiġifieri Byron Camilleri fihom. Dan wassal biex numru ta’ uffiċjali korrettivi jinsabu demoralizzati u mdejjqa għaliex jafu li huma qatt ma għandhom ċans ikunu kkonsiderati għal din il-kariga. Dan fid-dawl ta’ dak li ġara lbieraħ. Ħafna kienu dawk li stennew li l-Ministru Camilleri kien ikollu d-diċenza li jikkunsidra lil xi ħadd minnhom biex jokkupa l-kariga ta’ Kap Ezekuttiv tal-Agenzija għas- Servizzi Korrettivi.

Fost l-ufficjali korrettivi hemm nies kapaci u akkademikament kwalifikati u għalhekk għandhom il-kredenzjali kollha biex jokkupaw dik il-kariga. Uħud minn dawn l-uffiċjali għandhom snin twal ta’ esperjenza fil-management tal-ħabs u jafu eżattament kif jaġixxu mal-priġunieri f’kull ċirkostanza. Imma minflok il-Ministru Camilleri għażel wieħed minnhom, injora lil dawn l-uffiċjali korrettivi u appunta persuna li l-istess uffiċjali jqiesuh bħala persuna li ġie minn barra u ma għandux esperjenzi ta’ tmexxija tal-ħabs.

L-uffiċjali korrettivi rraġunaw, kif jista’ jkun li l-ewwel tkun Kummissarju għall-ħarsien tal-priġunieri u f’teptipa t’għajn issir il-Kap Esekuttiv tal-Aġenzija għas-servizzi korrettivi? Dan qed iwassal biex dawn l-uffiċjali korrettivi iħossuhom demoralizzati u qed jitilfu kull fiduċja fil-Ministru Camilleri.

Sadanittant, komplew is-sejħiet għar-reżenja tal-ministru wara li ħalla d-direttur preċedenti fil-kariga meta kien qed jaffronta akkużi quddiem il-qorti fuq reat li seħħ meta hu kien direttur tal-ħabs u l-arma użata kienet l-arma li ngħatat lilu bħala direttur tal-ħabs.

One thought on “Tkompli tikber ir-rabja kontra l-ministru Camilleri; din id-darba fost l-uffiċjali korrettivi tal-ħabs peress li ma ġewx ikkonsidrati fl-għażla għall-kap esekuttiv.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *