Il-Prim Ministru u ż-żewġ ministri minn tiegħu: Byron Camilleri u Jonathan Attard

Minn Edwin Vassallo

Wara l-inċidenti tal-ġlied ġewwa l-Belt, il-Prim Ministru qalilna li qiegħed jibża’ jħalli lit-tifla tiegħu toħroġ bil-lejl fit-toroq tagħna. Wara l-verdett fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Sion Grech, rajna lil Prim Ministru jgħid li mhux kuntent bil-qrati tagħna. Wara l-qtil ta’ Palin Kaya qalilna li dawk li ma jridux joqgħodu għar-regoli tas-soċjeta’, iridu jbatu konsegwenzi aktar ħorox. Meta jkollok prim ministru li jagħmel dawn it-tip ta’ affermazzjonijiet, ikollok prim ministru li qed jgħid li l-gvern tiegħu falla fil-qasam tal-ġustizzja u tal-intern. Fi kliem ieħor, ikollok prim ministru li qed jgħid lil żewġ ministri tiegħu, jiġifieri Byron Camilleri u Jonathan Attard, li fallew. Fil-lingwaġġ politiku, meta prim ministru ma jiddefendix ministri tiegħu u minflok jikkritikahom tal-ħażin li qed iseħħ fis-settur li jaqa’ taħt id-dekasteru tagħhom, ngħidu li qiegħed jarmihom.

Imma kif jgħid il-Malti “aħjar tard min xejn“. Hekk għidt jien wara li qrajt dawn l-affermazzjonijiet dwar x’qal il-Prim Ministru Robert Abela fir-rigward tas-soċjeta’ Maltija. Imma jkolli nżid li issa ukoll tard ħafna. Fl-iSqalli hemm proverbju li qiegħed fil-Malti; “il-ħuta minn rasha tintenn“. Dan kollu riżultat ta’ policies ħżiena li ħaddimna ġewwa pajjiżna f’dawn l-aħħar snin.

L-ewwel kellna prim ministru li ħalla l-politika liberali tirkbu. L-ewwel kellna prim ministru ta lil min jifhem li jista’ jagħmel li jrid b’ġismu. L-ewwel kellna prim ministru li mexxa l-politika liberali ta’ “the end justifies the means” u issa qed jgħid lil żewġ ministru tiegħu li fallew fid-diskasteru tagħhom minħabba dawn l-attitudnijiet. Jonathan Attard falla fil-ġustizzja u Byron Camilleri fl-intern.

Imma f’din il-kritika tal-Prim Ministru lil dawn iż-żewġ ministri tiegħu għandna l-ammissjoni mill-istess prim ministru ta’ dan il-prezz li s-soċjeta’ qed tħallas għal din il-politika liberali li ħallejniha tirkibna. Fi kliem ieħor, dawn iż-żewġ ministri qed ikunu mgħobbija bil-ħtija talli l-bniedem spiċċa żvalutat. U issa l-Prim Ministru jitkellem li kulħadd għandu joqgħod għal-liġi meta issa l-liġi spiċċat żlogata waħda sew għaliex is-sewwa intrema l-baħar.

Wara l-qtil ta’ Palin Kaya, is-soċjeta’ tagħna qed tinduna kemm hija “cheap” din it-tip ta’ kultura. Anki l-prim ministru stess induna u qed jipprova jitfa’ rrisponsabblita’ fuq il-ministri tiegħu u fl-istess ħin jiddefendihom. Imma l-prim ministru qatt ma jista’ jkun prim ministru tajjeb meta fejn jaqbillu jgħid li jemmen fil-bniedem u meta jaqbillu jagħmel mill-bniedem paljazza tal-art. Dak il-mexxej politiku li jirraġuna b’dan il-mod jispiċċa jagħmel prim ministru ħażin. Ma jistax fuq naħa jgħidilna li hu qed jibża’ jħalli lit-tifla tiegħu barra u fl-istess waqt jgħid li jrid iħalli lil Byron Camilleri bħala ministru wara li d-direttur tal-ħabs jispiċċa jlaqqa’ sentenza sospiża ta’ ħabs. Kif innota xi ħadd, dan hu l-ewwel pajjiż fid-dinja fejn direttur ta’ ħabs ilaqqgħat sentenza ta’ ħabs waqt li qiegħed fil-kariga. Ir-risponsabilita’ tal-ministru ma tinsabx fil-fatt li direttur ta’ ħabs għamel użu ħażin minn pistola, imma fil-fatt li meta ħareġ dan il-każ u bdew proċeduri kontra l-istess direttur, il-ministru l-anqas biss indejna li jissospendih mill-kariga.

Jekk xejn dan il-każ ikompli juri l-falliment ta’ dawn il-miżuri liberali li ġew introdotti fejn kollox sar xejn m’hu xejn. Illum l-istess miżuri tal-gvern ma humiex jagħtuna l-frott.

U bir-raġun is-soċjeta’ tagħna qed turi l-għadab tagħha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *