Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jitmexxa bir-remote control: meta jiġri hekk it-tmexxija tbati
Dan is-sit jinsab infurmat li persuna mportanti fil-PN – li normalment mitqiesha bħala l-magna tal-partit- ma hux qed ikun għax-xogħol għax ħareġ fuq study leave. Wieħed jieħu pjaċir jinnota li persuni fit-tmexxija tal-partit joħorġu fuq study leave, imma ċertu pożizzjonijiet jitolbu preżenza kontinwa tal-persuna li tokkupa l-kariga fid-Dar Ċentrali. Żgur li partit politiku ma jistax jitmexxa bit-tele-working u wisq aktar minn persuni li jkunu f’pożizzjoni kruċjali li joħorġu bil-leave biex jistudjaw.
Dan mhux ser jgħin lill-PN. Anzi dan iżid il-kriżi li għaddej fiha bħalissa l-Partit Nazzjonalista. Dan is-sit mhux ser jidħol fuq l-identita’ tal-individwu. Dan mhux artiklu biex ikun attakkat dan l-individwu li wieħed jieħu gost li qed ikompli jistudja għaliex din il-ġimgħa għaddejjin bl-eżamijiet u dan iddeċieda li jerġa’ jistudja.
Imma meta għandna sitwazzjoni fejn il-gvern qed jesperjenza ħafna problemi interni, il-preżenza ta’ ċertu uffiċjali għolja tal-Partit fid-Dar Ċentrali tkun aktar bżonnjuża minn qatt qabel. Minflok, qed ikun innotat kif fl-aħħar ġimgħat din il-preżenza ta’ dan l-uffiċjal għoli ħafna kienet kompletament nieqsa. Ġa din il-preżenza kienet minima fl-istamperija minħabba li kien qed jispiċċa joqgħod id-dar jistudja.
U tgħidulix li mhux xorta. Xogħlu ma jista’ jagħmlu ħadd!
Dawn huma l-għażliet li Bernard Grech issa qed ikollu jiffaċċja u dawn l-għażliet ser jibqgħu jiġru warajh. Kif jista’ l-mutur tal-PN jitmexxa mingħajr dan l-uffiċjal għoli? Hawn qed nitkellmu fuq waħda mill-aktar karigi importanti li għandu l-PN. L-istatut tal-Partit jagħtih ħafna saħħa.
Nifhem li bħala persuna jkun jixtieq ikompli jistudja imma f’dak il-każ kien jagħmel sew li meta beda l-kors jgħid ċar x’ser jagħmel u jagħmel il-wisgħa lill-ħaddieħor. Għalhekk hemm persuni warajh fil-kariga biex jekk ikun hemm bżonn jassumu huma r-responsabbiltajiet minfloku.
Meta uffiċjali għolja ma jkunux fid-dar Ċentrali, l-affarijiet aktar bil-lajma jimxu. U ejja ngħiduha, ġa qegħdin mixjin ħafna bil-mod!
Infakkar li nies bhal Joe Saliba, Clyde Puli, Chris Said u oħrajn li okkupaw karigi għolja fil-partit kienu magħrufa li kien jisbħu fl-istamperija minn filgħodu kmieni u joħorġu minn hemm tard bil-lejl kuljum. La kellhom Sibtijiet u l-anqas Ħdud.
Għalhekk fil-karigi għoljin wieħed irid persuni ta’ esperjenza u impenn biex ikunu kapaċi jmexxu l-magna tal-PN. B’hekk biss ikun evitat li kap ta’ partit ma jagħmilx froġa wara l-oħra.
Diga kellna lil Alessandro Farrugia li kien ikun ix-xoghol l-istamperija isegwi il lectures on line. Insomma fil-kaz ta’ Alessandro aktar kemm kien jhedda fil-lectures aktar ahjar ghax meta kien jiftah halqu hlief iwegga lin-nies ma kienx jaghmel.