“Illum anki Bernard Grech spiċċa jitkellem bħali… jekk il-PN irid jieħu l-ħajja, ma jridx jibqa’ fih traċċi… tal-politika tal-mibgħeda”

Minn Edwin Vassallo

Kif kelli ċans ngħid fi blogg ieħor, il-PN kien ilu b’atteġġjament kollu negattiv lejn in-nies minn żmien Lawrence Gonzi u baqa’ b’dak l-atteġġjament s’issa u għax kien hemm kap li pprova jibdel dak l-atteġġjament keċċewh. Imma dak li l-aktar li jweġġa’ u jinkwieta lin-nies huwa li tisma’ kliem jingħad minn min kien involut f’dan kollu u jinsisti li ma jiddispjaċihx ta’ għemilu u tas-sehem tiegħu fir-rewwixta kontra Adrian Delia. Dawn huma l-affarijiet li qed jagħmlu lill-PN “unelectable“.

Il-PN qiegħed f’sitwazzjoni li jekk mhux ser joqgħod attent la ser jkun partit popolari u lanqas populista fis-sens kollu pożittiv tal-kelma. Il-parir tiegħi hu dan.

1. Dan is-sens ta’ elitiżmu li rikeb lill-PN irid jinqered mill-PN darba għal dejjem. Issa qiegħed fiċ-ċans għaliex dan is-sens ta’ elitiżmu issa qiegħed jirbaħ fil-PL. B’hekk il-PN jista’ juri d-differenza aħjar mal-elettorat u juri li verament hu gvern alternattiv.

2. Ejjew naraw li jkollna politiċi li jemmnu tassew fil-bniedem, fin-nies u fil-valuri nsara. Fi kliem ieħor, politiċi li jemmnu fil-bniedem sħiħ u fil-veru valur tiegħu u mhux jara lill-bniedem bħala oġġett li wieħed jista’ jużah u wara jarmih.

3. Neħtieġu politiċi awtentiċi, ġenwieni li jesprimu verament dak li jemmen fih il-Partit Nazzjonalista u mhux politiċi li jixxejru bħal qasba mar-riħ.

4. In-nies iridu jerġgħu jiġu l-ewwel fil-politika tal-PN. L-interess taż-żgħir irid jerġa’ jirbaħ fuq l-interessi tal-kbir. Illum f’dan il-pajjiż għandna sitwazzjoni fejn l-egoiżmu u l-edoniżmu qed jerbaħ. Dan qasamna f’pajjiż fejn il-faqar qiegħed jiżdid u l-ftit qed isiru dejjem aktar sinjuruni. Dan hu gvern li qed imexxi politika li jwarrab iż-żgħir u jgħin lill-kbir biex ikompli jikber.

5. Il-PN irid jiddeċidi min hu. Il-pożizzjoni tiegħi kulħadd jaf x’inhi. Waqt li l-istorja passata riċenti tiegħu tibqa’ dell ikrah fuqu stess, xorta għadu fiċ-ċans li jinfeda. Nemmen li s-salvazzjoni tiegħu tinsab filli jsib ruħu fil-politika konservattiva.

6. B’hekk ma nistax ma nesprimix is-sodisfazzjoni tiegħi li riċentament Bernard Grech qed jitkellem kif nitkellem jien, speċjalment wara l-mewt ta’ Pelin Kaya, mhux biss dwar l-issue tat-tqala u anki dwar il-konsum u l-leġislazzjonijiet fuq id-droga u l-valuri tal-familja. Illum anki Bernard Grech spiċċa jitkellem bħali.

Qiegħed nikteb dan kollu għaliex nemmen li l-ħażin ilna nafuh. Imma forsi issa, aktar minn qatt qabel bdejna nirrikonoxxu x’inhu l-ħażin u nitkellmu dwaru. Nemmen ukoll li l-politika liberali hija tossika u valenuża. Is-semm tagħha hu qerriedi. Jeqred lil kull min imiss miegħu. Nemmen li l-mibgħeda hija daqshekk ieħor valenuża. Għalhekk, jekk il-PN irid jieħu l-ħajja, ma jridx jibqa’ fih traċċi tal-politika liberali u wisq aktar tal-politika tal-mibgħeda li nibtet f’dan il-partit minħabba din il-politika liberali. Jien ma jridx li l-istorja terġa tirrepeti ruħha fil-PN u wisq aktar f’dan il-mument fejn jidher ċar li bdiet it-tiġrija għall-għażla ta’ kap ġdid Nazzjonalista.

Fuq kollox, nitlob lil min jemmen li hu elitista fil-Partit Nazzjonalista biex jilbes il-libsa tal-umilita’. Jekk l-umilita’ għadha kelma li tinkiteb f’xi dizzjunarju, din għandha tkun miktuba b’ittri tad-deheb fid-dizzjunarju tal-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *