Spettur korrettiv aggredid u mweġġa’ gravi minn priġunier: ma jsirx rapport lill-pulizija
Spettur korrettiv ġie aggredid minn ħabsi li jinsab miżmum ġewwa t-taqsima tal-forensika f’Ħ’Attard. Din it-taqsima taghmel parti mill-ħabs ta’ Kordin. Huwa mifhum li hekk kif l-ispettur korrettiv daħal fiċ-ċella, flimkien ma’ uffiċjali korrettivi oħra biex jassistu lil dan il-ħabsi, dan tal-aħħar ta daqqa b’xi ħaġa iebsa lil l-ispettur korrettiv f’rasu tant li kkaġunalu ferita gravi.
Jidher li sakemm ġejna biex niktbu dan l-artiklu, id-direzzjoni kienet biex ma jsirx rapport lill-pulizija u dan bil-għan li jinżamm kollox kwiet u mistur biex taparsi l-ħabs ta’ Kordin kollox miexi ħarir u m’hemm problemi ta’ xejn.
Dan is-sit hu nfurmat ukoll li ftit tal-ġranet ilu, l-istess priġunier li aggredixxa lil dan l-ispettur korrettiv pprova jħebb għal spettur korrettiv ieħor ġewwa l-ħabs ta’ Kordin. Minn informazzjoni li għandu dan is-sit jidher li anki din id-darba ma sarx rapport lill-pulizija fuq dak li seħħ ġewwa Kordin.