Fil-ħabs għandhom jintbagħtu dawk li huma verament ta’ periklu għas-soċjeta’ u mhux dawk li l-Woke trid tagħqilhom ħalqhom.

Minn espert legali

Illum is-soċjeta’ qed tirrealizza u tirrifletti fuq din it-traġedja li laqgħet lil Pelin Kaya. Din hija vittma oħra ta’ persuna li kien fuq l-effett tad-droga.

Illum qed naħsdu l-frott qares ta’ strateġiji żbaljati. Illum qed naraw x’ifissru dawn il-liġijiet liberali li qed ngħaddu fil-prattika. Tassew, għandu raġun il-maġistrat Mifsud li jgħid li l-affarijiet qed jitmexxew minn nies li jistgħu jagħmlu ħoss. U dawn qed ikollhom impatt fuq il-qrati tagħna.

Imma l-problema hija ikbar minn hekk. Illum għandna tfal fl-iskejjel tagħna li ġa jmorru l-iskola “stoned”, jiġifieri lluppjati, wara li jkunu pejpu “kanun”. U tafu x’inhu kanun? Sigarru twil tal-ħaxixa. Din hija s-soċjeta’ li qed nibnu. Mela taħsbu li dawn il-każijiet ser jonqsu? Dażgur li le. Anzi ser jiżdiedu u ħa naraw aktar minnhom. Wieħed jaħseb li dawn it-tfal ser jibqgħu biss fuq il-ħaxixa? Mhux ovvja li ser imorru għal drogi aktar qawwija!

Jekk l-attitudni ma tinbidilx immedjament, allura ngħidilkom li għadna ma rajna xejn u li l-kbir għadu ġej. Jekk nies li nstabu ħatja mhux qed jintbgħatu l-ħabs, mhux ser nimxu. Imma l-ħabs irid ikun post fejn verament il-kriminal jirriforma ruħu u mhux joħorġu agħar milli daħħlu. Infakkar li meta kien hemm direttur li ried iġib ftit serjeta’ f’din l-istituzzjoni, il-Woke raw kif tajrulu rasu. Illum, dak li jista’ jingħad li grazzi għal Alex Dalli, fil-ħabs hemm aktar minn 30 professjonist jagħtu s-servizzi tagħhom.

Dak li ma jridx isir huwa li nispiċċa nimlew il-ħabs b’nies innoċenti, bħal meta nżamm għalxejn fih Dun Luke Seguna waqt li kriminali oħrajn, bħal dan Camilleri, tħallew jiġri barra. Mhux sew li ħabs nimluh bin-nies għax qalu “gayyaġni” jew għax ma ħallsux il-VAT u mbagħad dawk li verament għandhom ikunu fih, għaliex huma l-veru theddida tas-soċjeta’, jitħallew jiġru barra.

Din mhix issue ta’ bżonn li jimbena ħabs ieħor għaliex għandna rati ta’ kriminalita’ li qed tiżdied. Anzi l-ħabs bħalissa mhux iffullat. Imma issue li fil-ħabs jibda jintbagħtu min verament hu ta’ periklu fiżiku għas-soċjeta’ u mhux dawk li l-Woke trid tagħlaq ħalqhom jew xi povru negozjant għaliex nesa jħallas il-VAT jew xi ħadd li ġie akkużat fuq money laundering minħabba li ħallas bi flus kontanti jew għax irċieva xi donazzjoni. Il-pulizija u l-prosekuzzjoni trid tieqaf titlob nies jinżammu l-ħabs fuq skuża li jistgħu jinkontaminaw il-provi, meta fil-verita’ dawn huma irġiel li qatt ma kienu ta’ theddida għas-soċjeta’.

L-ewwel prijorità tal-ġustizzja hija li tipproteġi lis-soċjetà, li tipproteġi lin-nies innoċenti bħal ma kienet Pelin Kaya mill-kriminali. Imma mbagħad trid tara li ma jkunx hemm dawk li jilgħabuha tal-vittma jew jabbuża minn dan kollu li jkun għaddej biex nibdew nibagħtu nies innoċenti li qatt ma kienu ta’ theddida għas-soċjeta’ fil-ħabs. Il-ħabs inħoloq biex fih jinżammu l-veru kriminali u mhux dawk li l-Woke iridu jpenġuhom bħala kriminali biex ma jħalluhomx jitkellmu. L-idea li l-ħabs qiegħed hemm biex il-kriminal jirriforma ruħu (min hu ġenwin u mhux biex jabbuża mis-sistema) hija waħda nobbli. Imma wieħed irid jara wkoll kemm hemm min verament irid jirriforma ruħu.

Il-politika liberali qalbet dan kollu ta’ taħt fuq. Il-politika liberali dejjem tħalli traġedji umani warajha għax ma tagħrafx u ma tirrikonoxxix ir-realta’ tan-natura tal-bniedem. Waqt li llum lkoll kemm aħna qed nibku lil din il-vittma innoċenti, li setgħet faċilment kienet it-tifla tagħna, li nzertat kienet fil-post ħażin, hemm bżonn li tifhmu li l-qrati tagħna huma kompliċi fil-ħolqien ta’ vittmi ġodda minħabba pressjoni ħażina mill-media. wieħed irid jifhem li mhux kull imħallef jew maġistrat għandu l-ġilda ħoxna li għandu l-Maġistrat Joe Mifsud.

Hemm bżonn riforma vera ta’ kif tiġi applikata l-ġustizzja sabiex verament tipproteġi s-soċjetà. Jekk le m’hu xejn ħlief biki tal-kukkudrilli. Il-biki tal-liberali u l-mewt ta’ Pelin Kaya jsir aktar inutli milli fil-fatt kien, għax jekk nitgħallmu xi ħaġa mill-mewt tagħha allura mewtha ma kienx għalxejn. Iżda jekk le, Alla jilliberana minn dak li għadu ġej għalina. Għall-inqas wieħed jieħu pjaċir jisma’ verbali fil-qrati tagħna bħal dak tal-maġistrat Mifsud li juri li jagħraf sew fejn qed tħabbat il-qalb Maltija.

One thought on “Fil-ħabs għandhom jintbagħtu dawk li huma verament ta’ periklu għas-soċjeta’ u mhux dawk li l-Woke trid tagħqilhom ħalqhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *