Illum anki Evarist Bartolo qed jammetti li l-issue tal-abort qed taqsam lill-Partit Laburista
Meta dan is-sit beda jitkellem dwar l-issue tal-abort u kif din kienet qed taqsam lill-Partit Laburista, ħafna qarrejja ma qablux ma’ din l-analiżi. Qalu li dan mhux minnu. Issa ħiereġ ċar li d-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar l-abort qed iddgħajjef lill-Partit Laburista bħal ma kien għamel id-divorzju lill-Partit Nazzjonalista. Dan mhux jien qed ngħidu. Issa qed jgħidu Evarist Bartolo. Bartolo qed jikkontendi li bil-mod kif qed tiġi trattat din il-kwistjoni tal-abort, ser ixxaqqaq il-blokk soċjali qawwi li wassal lill-Partit Laburista għall-rebħiet elettorali kbar fl-aħħar tliet elezzjonijiet ġenerali.
Bartolo qed jibża li jekk ma tinstabx soluzzjoni jew addirittura qbil dwar l-emenda li ressaq il-Partit Laburista fil-Parlament, jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista jibni moviment lil bih jerġa’ jiġbed l-appoġġ tal-poplu. Dan it-tip ta’ moviment inħoloq kontra l-Partit Nazzjonlista fil-kwistjoni tad-divorzju u Bartolo qed jgħid li dak il-fatt ma għandniex ninsewh. Infakkar li l-moviment kontra l-Partit Nazzjonalista kien qam għaliex dan il-partit kien maqsum fuq id-divorzju bħal ma kien il-lejber. Imma minflok il-PN riekeb fuq il-qasma li kellu l-Partit Laburista, ħalla lill-liberali jfarrkuh. imbagħad kien hemm il-fattur ta’ Daphne. Wara l-kampanja tad-Divorzju miet Mintoff u ħarġet tifraħ. B’hekk dawk il-Laburisti li vvutaw kontra d-divorzju setgħu jmorru lura bla problemi fi ħdan il-Lejber ta’ Joseph Muscat.
Issa qed jiġri fil-maqlub. Qasma fuq l-abort hemm fiż-żewġ partiti imma jidher li l-liberali u l-woke qed jibżgħu jitkellmu ma jmurx l-elettorat Nazzjonalista jpattihielhom kif għamel lil ħafna minn dawk id-deputati li kienu kontra Adrian Delia. Jidher li l-Lejber tilef l-istrateġija li kien qed juża qabel. Din tilliefa għax ma stenniehx din ir-resistenza mill-poplu li ġiet mingħajr l-influwenza tal-knisja, fejn il-ġerarkija kienet kuntenta b’din l-emenda – xi ħaġa li Robert Abela kien jaf biha. Imma ġiet resistenza minn isfel għaliex in-nies qed tixba’ mingħajr oppożizzjoni u bi gvern li jgħaddi romblu.
Din kienet ir-raġuni għala din l-emenda imressqa minn Robert Abela qajmet diskussjoni kbira fil-pajjiż u llum hemm maġġoranza li hi kontra tagħha. L-istrateġija tal-Partit Laburista marret żmerċ waħda sew u qed ikollu diffikulta kbira biex ifiehem jew jikkonvinċi lill-poplu li din l-emeda ma twassalx għall-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna. Jgħidu x’jgħidu l-membri tal-Gvern, id-diskussjoni popolari qed turi li l-Partit Laburista qed jitlef l-appoġġ tal-partitarji tiegħu fuq dan is-suġġett.
Din id-diskussjoni tal-abort tista’ tagħti nifs lill-Partit Nazzjonalista u jista’ jibda jsib xi ftit saqajh jekk jirnexxielu jtawwal kemm jiflaħ din id-diskussjoni. Il-Partit Nazzjonalista daħal biċ-ċans li jerġa’ jibda jerbaħ l-appoġġ tal-poplu, xi ħaġa li ilha nieqsa minn wara l-elezzjoni tal-2008. Imma wieħed irid jgħid li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jibża jitkellem ċar. Il-laqgħa tal-Ħadd li għadda ma kienetx kontra l-abort, imma favur il-ħajja. Il-PN jibża jgħid li hu kontra l-abort għaliex il-woke fi ħdanu għadhom qawwijin.
Mela dak li jrid jagħmel il-PN huwa li jibni madwaru moviment anti-Woke. L-abort hu biss waħda mill-issue li jrid jiġġieled kontra l-Partit Nazzjonalista. Dawn il-ħafna miżuri liberali li daħħal dan il-gvern qed jibda jkollhom l-effett fuq is-soċjeta’ tagħna. Illum għandek studenti jbiegħu d-droga u l-ħaxixa fl-iskejjel tagħna.
Waqt li fl-opinjoni ta’ ħafna, il-gvern seta’ evita din il-kriżi kollha, l-arroganza li qed tikber kuljum aktar qed tagħmel ħsara lill-istess gvern. Għalkemm il-Gvern ma jixtieqx jammetti jew jaċċetta dan ir-raġunament, xorta numru ta’ nies minn kull faxxa soċjali mhux qed jaqblu mal-Partit Laburista u daħal ħafna dubju fuq l-iskop ta’ din l-emenda.
Dan wera nuqqas ta’ strateġija politika min-naħa tal-Partit Laburista dwar dan is-suġġett tant delikat. Għalkemm donnu l-partit fil-Gvern induna b’dan, xorta għadu ma kkonvinċix li bl-emendi li qed jikkonsidra jressaq għal din l-istess emenda preżentata għadhom ma tawx il-frott tagħhom. Veru li dawn għadhom ma ġewx pubblikati, imma minn dak li qed jintqal jidher li mhux ser tkun faċli biex il-Gvern jikkonvinċi lill-poplu dwar il-ħsieb tiegħu.
Kif intqal minn Varist Bartolo, din is-sitwazzjoni tista’ tkun li twassal għall-inkwiet kbir fil-Partit Laburista. Mela l-Partit fil-Gvern ma fadallux soluzjoni ħlief li joħroġ b’xi emendi validi għall-emenda mressqa li jistgħu jtaffu mill-effett politiku ħażin li s’issa jidher li qed tħalli din l-emenda fuq l-istess Partit Laburista.
