Id-double standards tal-ġurnalisti woke: il-każ ta’ Matt Bonanno u dak ta’ Matthew Grech
Minn Edwin Vassallo
Il-każ ta’ Matt Bonanno u dak ta’ Matthew Grech qed juri kemm verament il-media tal-liberali u tax-Xellug ma temminx fl-ugwaljanza. Mela fuq naħa, din il-media titkellem fuq ugwaljanza. Din il-media titkellem fuq ġustizzja, imma mbagħad il-ġurnalisti woke tal-ugwaljanza u l-ġustizzja jużaw kejl differenti u jaraw dejjem fejn għandu jxaqleb il-miżien. U dan dejjem ixaqleb fuq naħa waħda. Il-ġurnalisti Woke iħossuhom komdi ma’ sħabhom il-Woke. Għalhekk meta sħabhom il-woke jiġu taħt akkuża minħabba l-istess liġijiet li l-Woke ikunu ppromovew, tarahom joħorġu biex jiddefenduhom.
Imma dawk li l-Liberali mhux qed jindunaw, li llum il-Woke u l-Liberali qegħdin f’alleanza, kontra l-Konservattivi, imma ‘l quddiem il-Woke Liberali ser ikunu l-vittma tal-Woke Xellugin u mhux il-Konservattivi. L-istorja politika dejjem uriet li meta tqum it-tielet forza, huma l-Liberali li jisparixxu. Il-Konservattivi qed jirtiraw u joqogħdu kwieti josservaw u ma jitkellmux. B’hekk ma jistgħux jiġu taħt il-kanuni tal-Woke. Anzi bħalissa l-Woke Xellugin jidhru ħbieb mal-Woke Liberali. Imma għad jasal iż-żmien li l-Woke Xellugin jiftħu l-kanuni kontra l-Liberali u dawn ser ikunu li jisparixxu.
Qed ngħid dan għaliex issa għandna żewġ persuni li qed jitressqu l-qorti. U l-Woke Xellugin u l-Liberali jinsabu qaqoċċa flimkien. L-ewwel wieħed qed jittella’ l-qorti għaliex qal l-istorja ta’ ħajtu. Miegħu weħlu l-ġurnalisti li intervistawh. Mela llum spiċċajna li jekk inti eteru u ssir gay, jinnominawk għall-ġieħ ir-Repubblika u l-ġurnalisti Woke jippreżentawk bħala l-mudell ta’ inklussivita’. Imma jekk l-istorja tkun bil-maqlub, u minn gay issir eteru, ma tistax titkellem dwar l-esperjenza ta’ ħajtek. Hawnhekk itellgħuk ‘il qorti u jakkużawk b’mibegħad lejn il-gays!
Imbagħad għandna t-tieni każ ta’ Matt Bonanno. Dan ukoll qed jittellà l-qorti minħabba dak li kiteb li ġie mitqies bħala offensiv. Anki hawn ma naqbilx li dan kellu jittella’ l-qorti. Imma dan sab eserċitu tal-Woke jaqbeż għalih. Jiġifieri qabżu għalih dawk l-istess Woke li jridu jaraw lil Matthew Grech imsallab mill-qrati tagħna.
Issa ż-żewġ każijiet jinsabu quddiem il qorti u mhux ser nidħol fil-każijiet per se, iżda rrid nagħmel osservazzjoni biex nuri kemm l-ugwaljanza u l-ġustizzja jistgħu jkunu preġudikati f’pajjiżna. Qed nasal għal din il-konklużjoni għaliex għall-media tagħna, huwa tajjeb li Matthew Grech jittella’ l-qorti bħal ma kien tajjeb li jtellgħu l-qorti lil Fr. David Muscat u l-avukat ġenerali għadu sallum jippersegwitah. Imma mbagħad jgħajtu li mhux sew li Matt Bonanno jittella’ l-qorti! B’hekk qed naraw pubblikament żewġ trattamenti differenti mill-ġurnalisti woke ta’ dan il-pajjiż ma’ nies differenti li kollha għandhom il-każijiet tagħhom quddiem il-qorti tagħna fuq l-istess akkużi.

Lanqas ser nidħol fid-dettall tat-trattamenti iżda jekk wieħed biss jara kif l-istess media tal-woke tirrapporta dawn l-istejjer tagħhom, wieħed ikun jista jifhem kif il-ġurnalisti woke jagħmlu l-kummenti tagħhom ifuħ, meta jitkellmu fuq Matt Bonanno imma jintnu pesti meta jitkellmu dwar il-każ ta’ Fr. David Muscat jew Matthew Grech.
L-argument li rrid nasal għalih huwa kemm f’pajjiżna għandna bżonn insaħħu siti tal-aħbarijiet bħal dan s-sit ta’ Simon Mercieca għaliex f’pajjiżna wkoll neħtieġu li jkollna l-għodda li biha nirbħu fuq din il-cancel culture. Huma siti bħala dak ikkreat minn Simon Mercieca li jgħinna jkollna aħbarijiet mingħajr preġudizzju u li jwasslu lill-poplu analiżi ta’ kif jaħdmu dawn il-ġurnalisti woke. Dawn jużaw l-aħbarijiet biex jeliminaw lil dawk li jqiesu bħala l-avversarji fil-proċess ideoloġiku tagħhom. Finalment, dan hu dak li jfisser meta ngħidu cancel culture.
F’pajjiżna jeħtieġ li jkollna stazzjonijiet tat-TV privati li joffru l-aħbarijiet li ġurnalisti woke mhux qed iħallu li jaslu għand il-poplu. Anzi jippruvaw jużaw is-saħħa tagħhom biex joħonqu l-ilħna li jkunu qed jitkellmu. Wasal żmien biex il-liġi li tirregola x-xandir f’Malta tiġi mibdula ħalli tagħti aktar liberta’ lix-xandara Maltin. Finalment kull ma qed nitlob li dawn ix-xandara privati jkollhom l-istess liberta’ bħal ma għandhom ix-xandara fuq l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi.
Hekk biss nistgħu naslu li jkollna ugwaljanza u ġustizzja billi jkollna min b’kuraġġ jitkellem u juri lill-poplu li l-aħbarijiet mhux dawk li jagħtuna l-ġurnalisti woke imħallsa mill-establishment tal-gvern jew tal-Unjoni Ewropea, imma hemm aħbarijiet oħra li dawn il-ġurnalisti woke ma jridux li wieħed jitkellem dwarhom.
Kuraġġ u grazzi lil dawk kollha li jwasslu l-kelma u l-ħsieb ħieles mingħajr preġudizzju jew ċensura.
Grazzi Edwin u prosit. Iva jehtieg li dan is-sit jilhaq aktar nies. U prosit kbira lil Profs Simon Mercieca li jkompli akkost tal-irwiefen kollha li jonfhu kontrieh. Spiccajna nghixu f’pajjiz u f’dinja li ma tistax tmur kontra n-narrativa. Prosit kbira wkoll lil kull min jaghti hinu lil dan is-sit biex joffri analizi differenti ta’ dak kollu li hu mainstream, jew sahansitra, dak kollu li ma jigix moghti lill-poplu.
Grazzi kbira lil dawk il-qarrejja kollha li joffru hinhom biex jaqraw dawn il-blogs – jaqblu u ma jaqblux – u dawk li jghinu biex dan is-sit jinxtered.