Where your opinion counts

Ngħid prosit lil Paul Pace il-President tal-Union tan-nurses u qwiebel għal kif tkellem dwar il-problemi li għandna fil-qasam tas-saħħa

Minn Edwin Vassallo

Veru kas fejn kollox jidher li d-diskussjoni fi ħdan il-group parlamentari Laburista hija fqira. Bla dubju ta’ xejn, Robert Abela jrid jara kif jeħles minn Chris Fearne. Fuq dan ġa ktibt fit-tul. Din hija l-unika raġuni li jrid jibgħatu kummissarju tal-U.E. Mela Abela jaf li biex Fearne ikun aċċettat bħala Kummissarju u jwarrbu minn ma’ saqajh, ressaq din il-liġi li biha jrid idaħħal l-abort. Imma fl-istess ħin qed jgħidilna li dan mhux abort. Dan qed jagħmlu biex b’hekk Fearne ikun jista’ jgħid li kien hu bħala ministru li daħħal din il-liġi li daħħlet l-abort f’Malta u jsib postu bla problemi ta’ xejn bħala Kummissarju Ewropew b’salarju u pensjoni tajba ħafna. Min-naħa l-oħra, l-istess gvern qed jgħid li din l-emenda mhix favur l-abort.

Imma dan id-dibattitu fuq l-abort qed jaħbi realta’ oħra li ftit li xejn qed nitkellmu fuqha. Is-sitwazzjoni fl-isptar Mater Dei hija waħda esplussiva. B’hekk il-Prim Ministru jrid jara kif ser isolviha. U l-problema prinċipali jidher ċar li hu l-istess ministru. Infatti, il-President tal-Unjon tan-Nurses u Qwiebel ġa qalha li hemm bżonn ta’ Ministru ġdid tas-saħħa u semma lil Miriam Dalli.

Ħadd ma għandu dubju dwar id-dedikazzjoni tat-tobba u ta’ nurses u dawk kollha involuti bħala ħaddiema f’servizzi tas-saħħa. L-abbużi jeżistu imma huma waħdiet. Hawn ngħid prosit lis-Sur Paul Pace, il-President tal-Union tan-Nurses u Qwiebel għad-diskors tiegħu li ta lil The Times. Nistieden lil Fearne biex jieħu bis-serjeta’ dak kollu li Pace qal lit-Times of Malta u b’mod partikolari dwar in-nuqqasijiet f’Mater Dei. Issa anki mwiet fl-emerġenza qed ikollna.

Fl-interevista tiegħu, Pace tkellem dwar il-ħin li wieħed irid jagħmel jistenna sakemm jinqegħda fl-emerġenza. Iż-żmien li wieħed irid jistenna sakemm jagħmel operazzjoni, il-management tal-clinics,
is-servizzi primarji fil-kliniċi tagħna li qed ikunu ffullati bin-nies jistennew biex jinqdew u fuq kollox, il-problema tal-medicini out of stock. Il-Ministru Fearne aħjar ħadem biex isolvi l-problemi ta’ veru li għandna fis-servizzi tas-saħħa u mhux kaxkar pajjiż fuq dibattitu inutli dwar l-abort.

Dawn il-problemi li semma’ Pace jeħtieġ li jissolvew. Imma il-Ministru Fearne ma jimpurtahx. Fl-Ewropa ma tmux tiftaħar kemm kont kapaċi ttejjeb is-servizz tas-saħħa tan-nies, imma dak li jimpurtahom lil ċerti gruppi Ewropej biex tkun aċċettat bħala Kummissarju tal-U.E, huwa kemm int kapaċi tkun bojja tat-trabi!

Il-Ministru Fearne għandu għaliex jibda jinkwieta dwar ir-responsabilita’ ministerjali tiegħu fejn mhux kollox ward u żahar fil-qasam tas-saħħa. Dak li sa ftit ilu kien ministeru li minn barra deher immexxi tajjeb issa jidher li f’dan il-ministeru hemm problemi kbar. Din il-kwistjoni tal-abort kompliet toħroġ dawn il-problemi aktar fil-beraħ aktar milli ħbithom.

Imma minflok għandna ministru tas-saħħa li qed juża ħafna mill-energija u l-ħin tiegħu biex forsi isib mod ta’ kif isolvi dawn il-problemi, spiċċa juża l-enerġija tiegħu biex isolvi problema li l-gvern tiegħu stess ħoloq biex ikun jista’ jmur Kummissarju Ewropew, jiġifieri jara kif jagħmel din l-emenda li biha ser jiftaħ il-bieb għall-abort aċċettabbli.

Ovvjament minn meta tressqet din l-emenda, beda l-maltemp fil-kamp Laburista. Niskanta kif fil-group parlamentari u fl-esekuttiv tal-Labour, ħadd ma ħaseb x’jista’ jiġri. Kif jista’ jkun li fil-group parlamentari Laburista, ħadd ma gieh f’moħħu li din l-emenda kellha toħloq dan it-terremot? Veru kas li kixef id-diskussjoni fqira li llum teżisti fi ħdan il-group parlamentari Laburista. Kontra dak li jgħid Robert Abela, hemm letarġija sħiħa fi-kabinett u l-grupp parlamentari tiegħu. Kieku verament kien hemm diskussjoni miftuħa, żballji bħal dawn ma kienux isiru.

Filwaqt li l-platt tal-Ministru Fearne huwa mimli bil-problemi li qed jistennew soluzzjonijiet, il-Ministru Fearne ser ikompli jgħum f’baħar ta’ inkwiet. Kieku dan kien gvern serju, kien iħalli l-liġi tal-abort fuq l-ixkaffa u jara kif l-ewwel u qabel kollox isolvi dawk li huma l-akbar problemi li jikkonċernaw lill-poplu Malti fil-qasam tas-saħħa. Dawn huma aktar importanti minn xi post fl-Ewropa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *