Kif għandna niġġieldu dawn il-liġijiet li l-Woke daħħlu biex joħonqu l-espressjoni ħielsa?

Minn Esponent Legali

Il-Media liberali qed tnewwaħ b’leħen wieħed talli l-Pulizija xliet lil Matt Bonanno b’hate speech’ wara li Gordon Manchè ħassu offiż u mhedded minn artiklu li kiteb dan Bonanno fuq is-sit bis-serjeta.com.

Il-media liberali qed tinsisti li  Bonanno kiteb b’mod satiriku fuq sit li hija satirika, iżda l-media taf li l-liġi mħanżra tal-hate speech ma tagħmel l-ebda eċċezzjoniji – sew jekk hux għas-satira, l-ironija, il-metafora jew kwalunkwe stil letterarju jew retoriku ieħor.  

Il-media taf, għax kienet hi li riedet din il-liġi b’ħeġġa kbira u li kieku kienet verament għal qalbhom id-demokrazija u l-espressjoni ħielsa, li kieku mhux talli qatt ma kienu jagħmlu kampanja biex tiddaħħal iżda kienu jopponu b’saħħithom kollha kwalunkwe suġġeriment li f’dan il-pajjiż tiddaħħal liġi stalinista li istituzzjonalizzat it-‘thought crime’.

Din il-liġi qatt ma ddaħħlet biex tissaħħaħ id-demokrazija jew fuq kollox il-ġustizzja iżda ddaħlet biex tintuża bħala strument politiku mill-woke sabiex ikunu jistgħu jintimidaw u jekk hemm bżonn jikkanċellaw lil kulmin jażżarda jopponi l-aġenda tagħhom fuq kwistjonijiet bħalma huma l-abort, l-LGBT u l-immigrazzjoni bla rażan li l-maġġoranza ma taqbilx magħhom.

Qatt ma kellna bżonnha din il-liġi a fini ta’ demokrazija jew ġustizzja. F’pajjiżna kellna u għad għandna liġijiet ta’ libel li minkejja kollox, anki dawn qed jiġu abbużati wkoll minn min huwa b’saħħtu biex jintimida u jagħlaq ħalq lil min m’huwiex. Almenu taħt il-liġi tal-libel, min jagħmel l-akkuża ried jiftaħ każ il-qorti minn butu u fuq kollox l-akkużat jibqa’ meqjus innoċenti sakemm min ħassu offiż jipprova bil-kontra. Jekk jiġi deċiż li l-akkużat huwa innoċenti, probabbilment minn fetaħ il-kawża ta’ libell jeħel l-ispejjeż kollha. Mill-banda l-oħra l-inċitament għall-vjolenza minn dejjem kien reat kriminali.

Mhux hekk taħt il-liġi moqżieża li riedu l-woke – fosthom id-dundjani fil-kurja li b’nuqqas inkredibbli ta’ ġudizzju huma ukoll għamlu l-almu tagħhom – mingħajr qatt ma fehmu li l-ewwel ma kienu ser ikunu l-mira ta’ din il-liġi kienu ser ikunu proprjament l-insara, imma fuq dan aktar ‘l isfel.

Le, taħt il-liġi tal-hate speech li riedu l-woke, kulmin iħossu offiż jew insultat jew mhedded – partikularment jekk jappartjeni f’xi ‘minoranza’ kulma għandu jagħmel huwa rapport u l-pulizija jkollhom jinvestigaw – u la kollox f’din il-liġi huwa suġġettiv u vag u li ma jagħmel l-ebda eċċezzjoni, il-pulizija jkollhom jipproċedu. Taħt din il-liġi moqżieża, min jagħmel l-akkuża lanqas qatt m’għandu għalfejn jidher u min hu mixli jrid jara x’jagħmel biex isib avukat u jidħol f’ħafna spejjeż; min jagħmel l-akkuża ma tiswih xejn.

Mentri taħt liġijiet ċiviliżżati akkużat jiġi preżunt innoċenti mill-akkużi sakemm ħaddieħor jipprova bil-kontra mhux hekk lanqas taħt din il-liġi – anzi l-akkużat huwa preżunt ħati u sta għalih li b’xi mod jipprova li hu innoċenti mill-akkużi. Din ma hi xejn għajr inkwiżizzjoni. U jekk eventwalment jinstab innoċenti, l-akkużat ma jakkwista l-ebda kumpens waqt li min għamel l-akkuża ma jeħel xejn.

Għandha tkun ovja għal min għandu IQ ogħla mit-temperatura tal-kamra, li l-intenzjoni wara din il-liġi hija waħda ċara – fejn il-proċess innifsu huwa l-piena u irrelevanti wieħed jinstabx innoċenti jew ħati. L-iskop tal-liġi huwa sabiex tiġi intimidat u ma tiftaħx ħalqek – għax inkella ser tidħol f’ħafna inkwiet li l-ebda bniedem normali ma jrid,  biex forsi wara li jkunu ħammġulek ismek apparti li jdaħħluk f’ħafna spejjeż l-aktar li tista’ tittama fih huwa li tinsab innoċenti u teħles minn inkubu.

Il-media tal-woke qed tnewwaħ mhux għax il-liġi hija ħniżrija – qed inewwħu għax wieħed minn tagħhom ser jinqela’ fiż-żejt li huma ferrxu. Mhux qed inewwħu għax din il-liġi hija inġusta u arbitrarja, imma għax iridu jkunu huma li jiddeċiedu mingħandu jiġi mixli jew le – iridu jkunu huma jekk xi ħaġa intqalitx b’mod satiriku jew le. Iridu jkun huma l-inkwiżituri l-ġodda. Xejn aktar, xejn anqas.

Sewwa għamel Manchè juża din il-liġi kontra min riedha – l-assurd trid tiġġielidlu lura – jekk hemm bżonn billi turi l-assurdita’ u l-periklu wara tali liġi u jien niskanta kif ħafna nsara (ara veru nies twajba) għadhom ma rrealizzawx li jekk iridu jilagħbu din il-logħba jistgħu jilgħabuha huma wkoll u jilagħbuha bil-kbir.

M’ilux kellna riklam tal-hekk imsejħa Doctors For Choice (li donnhom neħħew mill-fb tagħhom minħabba r-reazzjoni li qanqal) fejn wera l-intolleranza tagħhom għan-nies reliġjużi. Qed nirreferi speċifikament għar-riklem fejn ritratt ta’ soru ġie ikkanċellat u ġie mistqarr li dawn ma jistax jkollhom l-ebda dritt biex jitkellmu dwar l-abort, bħal donnu dawn is-sorijiet ma kienux ċittadini bħalhom, li ma kienux nisa – li kienu xi forma ta’ untermensch. Kif għidt dan ir-riklam donnhom tajruh avolja mhux diffiċli ssib l-istess sentiment taħt posts oħra – dan ma qaluhx b’satira jew b’mod metaforiku iżda bis-serjetà kollha. Immaġinaw issa li minflok soru, li xi ħadd konservattiv kellu juri koppja omosesswali gay – li ma jistax ikollha tfal jew taf x’inhu tqala b’mod naturali – għax qegħdin f’relazzjoni de facto sterili – jiddikjara li għandhom jiġu kkanċellati mid-dibattitu dwar l-abort, ara kienux jinqalgħu l-irwiefen kollha u jixluhx b’tixrid ta’ ‘mibgħeda’. Jew xi ngħidu għall-cartoons tat-Times fejn donnu ried juri li l-insara nies ċwieċ għax jopponu l-abort u ma ddejjaq xejn joffendi s-sentimenti tagħom billi jiżżeblah l-immaġni t’Ommna Marija? Tassew iż-żeblih u l-mibegħda li ssib fuq facebook partikolarment lejn l-Insara għandu jokkupa l-pulizija għal żmien twil.

Dawn il-woke arroganti mmens – jippretendu li jagħmlu li jridu mingħajr konsegwenza – u t-tinwih tal-media tagħhom dak li jikkonferma. Iva meta għandek liġi assurda trid tiġġieled lura bl-istess assurdità sabiex tesponi l-periklu tagħha.

Is-sorijiet imisshom minflok idawwru ħaddejhom, xlew lil Doctors for Choice ta’ tixrid ta’ mibgħeda u l-insara xlew lit-Times tal-offiżi u l-insulti lejhom. Irridu nifhmu li ma min ma jirraġunax u ma jridx diskussjoni ekwa m’hemmx triq oħra. Hija irrelevanti li aħna naħsbu li liġijiet bħal m’għaddew il-woke huma inġusti u perikolużi – la darba għaddewhom, biex forsi jifhmu, irridu nużawhom kontrihom aħna wkoll.

U hawn nerġa’ ndur fuq il-Knisja – dundjan ta’ vera – li appoġġjat it-tradiment tal-ġustizzja naturali billi riedet li jgħaddu dawn il-liġijiet. Possibli l-Arċiqof Ġuda ma jafx kif intużaw dawn il-liġijiet f’pajjiżi fejn daħħlu qabel ma ddaħħlu Malta? Ma jafx Ġuda li dawn intużaw primarjament biex jippersegwitaw lill-insara? Ma jafx li fil-Filandja biex nieħdu każ wieħed biss ministru tal-gvern (Päivi Räsänen) kellha tgħaddi kalvarju talli kkwotat il-Bibbja??

Ma jafx li bis-saħħa ta’ dawn il-liġijiet u oħrajn bħalhom, anki jekk titlob waħdek fil-kwiet tista’ tkun skuża biex xi ħadd jixlik u tiġi arrestat u ttrattat daqs li kieku kont terrorista? Għax taf tkun ta’ skomdu u offiża lil ħaddieħor!

Għadu ma rrealiżżax li hekk kif daħlet il-liġi ma damux biex xlew lil Fr. David Muscat ta’ mibegħda lejn il-gays? Ma ndunax possibbli li hemm il-media tal-woke ma nterressaha xejn f’liema kuntest kien qed jitkellem? – sew jekk kienx qed ikun satiriku jew allegoriku? Ma jafx li kien hemm balla nies li ġew mixlija u mtella’ l-qorti talli rrepetew t-tagħlim Kattoliku li jekk wieħed jimmilita favur l-abort u ma jindimx  ser jispiċċa l-infern? Li l-abort huwa att dijaboliku li ‘jitlob il-vendetta t’Alla’? Għadu l-arċisqof ta’ Malta jemmen fl-infern u fit-tagħlim Kattoliku?  Jew qed jistħi minnu u sar woke hu wkoll? Wara kollox ma tantx dam qabel ma żżattat u qabel ma kien jaf il-fatti biex jikkundanna u jippreġudika lil Fr. David Muscat talli stqarr dak li jgħid it-tagħlim Kattoliku li hu suppost qed jiddefendi.

L-aħwa, dawn il-liġijiet huma intenzjonati fuq kollox biex jintimidaw u jippersegwitaw l-insara u jidher biċ-ċar li r-ragħaj mhux lest joħroġ għonqu. Hemm bżonn li nagħmlu użu minn kull għodda paċifika li għandna disponibbli biex nikkumbattu l-ħażen. Il-woke għamlu żball kardinali fl-arroganza tagħhom li mingħalihom jistgħu jiddeterminaw kollox kif iridu.

Din il-liġi hija waħda moqżieża, qatt ma qbilna magħha u qatt ma ridniha – imma issa la qiegħdha hawn – ejjew nużawha anki fl-aktar sitwazzjonijiet assurdi – għax jekk ma nagħmlux użu minnha aħna wkoll u nesponu l-inġustizzja u l-assurdità tagħha, inkunu qed nonqsu minn dmirijietna.  

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *