X’inhu l-futur tal-Partit Nazzjonalista għax-xhur li ġejjin?
L-istħarriġ, li qed isir spiss, kontinwament qed juri li aktar nies qed inaqqsu l-appoġġ tagħhom lejn il-Partit Laburista. Iżda l-indikazzjonijiet huma li l-Partit Nazzjonalista m’hu qed jiggwadanja xejn minn dan għaliex fl-istess waqt anke dan il-partit qed inaqqas l-appoġġ tiegħu. Minn din is-sitwazzjoni joħroġ ċar li fil-Partit Nazzjonalista għad hemm sitwazzjoni ta’ taħwid u nuqqas ta’ għaqda.
Għalkemm kien hemm numru ta’ deputati ġodda, dawn ma għamlu ebda effett fuq il-pożizzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista. Kien mistenni li permezz ta’ dawn l-uċuh ġodda, il-Partit Nazzjonalista kien ser jinbidel għall-aħjar, imma sfortunatament dan ma ħalliex l-effett mixtieq.
Dan il-partit xorta baqa’ fis-sitwazzjoni li kien fiha qabel l-elezzjoni ġenerali. Il-Partit Nazzjonalista għadu jidher li mhux kapaċi jifforma xi tip ta’ viżjoni għall-futur tal-pajjiż li tista’ tkun aċċettabli għall-fazzjonijiet diversi li jeżistu fih ħdanu u fuq kollox biex jibda jakkwista l-fiduċja tal-istess elettorat. Din is-sitwazzjoni tirrifletti wkoll fil-fatt li dan il-Partit għadu ma sabx mexxej li jiġbed lil kulħadd warajh anki jekk wieħed irid jgħid li Bernard Grech għamel titjib konsiderevoli imma ma hux biżżejjed biex irebbħu elezzjonijiet.
Dan għaliex xorta għadu kap li ma jispirax konvinzjoni. L-esperti li għażluh bellgħulu l-politika tal-woke u ħarquh. B’hekk mhux juri xi tip ta’ viżjoni li tista’ tiġbor il-ħsibijiet varji li dejjem eżistew fil-partit u tgħaqqadhom f’viżjoni waħda għall-ġid tal-pajjiż.
Hija illużjoni kbira li xi ħadd jipprova jqabbel lill-kap tal-lum ma’ Eddie Fenech Adami. Min ħareġ b’din l-idea għamel disservizz lil Bernard Grech. Kull kap ta’ suċċess kien tajjeb għal żmienu. Wara jsir persuna storika li trid tiġi studjata bħala personaġġ storiku. B’hekk ikun żball kardinali li mexxej, ikun minn ikun, jipprova jilbes il-personalita’ ta’ ħaddieħor. Kull kap ta’ suċċess kien dak li bena l-personalita’ tiegħu hu stess. Eddie Fenech Adami kien kap ta’ suċċess għaliex bħala persuna ma kienx jidher li hu kopja ta’ Ġorġ Borg Olivier u fuq kollox, kien l-antiteżi ta’ Mintoff. Imma Eddie Fenech Adami kellu ħassieb kbir warajh jiġifieri lil Fr. Peter Serracino Inglott.
Wieħed jispera li din il-kwistjoni tal-abort tagħti l-possibilita’ lill-Partit Nazzjonalista biex juri front wieħed magħqud. Imma nafu li l-Partit Laburista mhux ser jagħmel iżjed kambjamenti fuq il-liġi tal-abort. Il-Lejber induna li b’dak li qed iressaq qalleb biżżejjed l-imħuħ ta’ ħafna partitarji tiegħu stess. Allura ser jieqaf hawn. Meta l-logħba li ser jilgħab hija dik li jgħaddi din l-emenda malajr kemm jista’ jkun mill-parlament. B’hekk qed jispera li kollox jintesa f’qasir żmien. Jista’ jkun li sa ġimgħatejn oħra din l-emenda tkun għaddiet u l-effett tagħha jintesa maż-żmien. Ovvjament l-effetti tagħha jintesew kemm ser ikun kapaċi l-Partit Nazzjonalista li jħalli lill-Partit Laburista jnessihom.
Infakkar li dan il-gvern għadda ħafna liġijiet li ġew deskritti bħala progressivi, imma minflok qed nispiċċaw b’soċjeta’ agħar milli konna ngħixu fiha qabel. Qed naraw is-soċjeta’ tagħna tisfaxxa. Issa anki l-World Economic Forum, li qed jitlaqqa’ bħalissa ġewwa Davos, qed iħejju lid-dinja tal-Punent għal riċessjoni. U f’riċessjoni joħroġ fil-beraħ kemm dawn il-liġijiet li għaddejna ma huma progressivi xejn!
Għalhekk huwa importanti li l-Partit Nazzjonalista ma jerġax jaqa’ fl-istess monotonija ta’ ħsieb li ilu għaddej bih minn wara l-2013 għaliex l-aġenda tiegħu tmexxiet minn politiċi li ħasbu li fil-Liberaliżmu hemm is-salvazzjoni ta’ dan il-partit.
Anki jekk jitlef il-ġlieda tal-Kummissarju tal-iStandards, xorta l-linja tiegħu, mil-lum ‘il hemm trid tkun waħda netta. Dik ta’ oppożizzjoni totali għall-miżuri ta’ dan il-gvern u n-nies li qed japponta. Din missa kienet il-politika tiegħu sa mill-2013 u mhux ipprova jimita lil Joseph Muscat fl-ideat tal-Woke li daħħal f’pajjiżna.
Jekk il-PN jagħmel hekk, il-partit fil-gvern ikollu diffikulta’ biex jerġa’ jaqbad ir-ritmu tiegħu u jibda’ joħroġ ċar li dan il-partit ma għandux viżjoni x’joffri għall-futur ta’ pajjiżna. Kull ma kien kapaċi joffri kien biss bżieżaq tas-sapun.
Iż-żmien jgħaddi u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali dalwaqt ikunu magħna. Minħabba l-liberaliżmu u l-ideat tal-Woke li rikbu dan il-partit, donnu ma tantx jidher li ser jagħmel xi avvanzi f’dawn l-elezzjonijiet. Il-biża’ hija li aktar nies ma joħorġux jivvutaw. B’hekk fid-deher, xorta jidher li rebaħ il-Lejber.
Dak li hu żgur li ġej żmien ta’ deċiżjonijiet għall-Partit Nazzjonalista għaliex ser ikun meħtieġ li jinsab mexxej ġdid wara dawn l-elezzjonijiet. Huma ħafna dawk in-nies, fosthom ħafna partitarji Nazzjonalisti, li jafu dan u qed jistennew ċaqliqa sinifikanti.
Din id-darba ser ikun aktar diffiċli li jiġri bħal ma ġara wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u wara telfa fenominali bħal dik – anki jekk f’termini ta’ voti, il-Lejber ukoll imur ħażin – biex ma jkunx hemm tibdil tal-kap preżenti. Imma anki meta jseħħ dan it-tibdil, xorta il-Partit Laburista jibqa’ vantaġġ li jerbaħ l-elezzjoni tal-2027.
Dan ifisser li l-aqwa mħuħ fil-PN ser ikunu qed jistennew l-elezzjoni tal-2027 biex verament joħorġu għat-tellieqa ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista, waqt li ħallu lill-Partit Nazzjonalista jitmexxa minn mexxej transitorju.
Split the party!
L’ewwel mistoqsija li trid tigi imwiegbha hi GHALFEJN u GHALIEX qed jezisti Il PN ?