Ir-Repubblichini, il-Knisja u l-PN ma jitkellmux kontra l-proġett mostruż tal-Hilijiet fuq Kemmuna
Wara li dan is-sit xela’ lill-għaqdiet non-governattivi bħal Graffiti u r-Repubblichini li ma kienu tkellmu xejn fuq il-kostruzzjoni li se ssir fuq Kemmuna mill-miljunarji tal-Hili Group, u minflok ħlew il-ħin jagħmlu l-bużullotti fuq id-deck chairs, jidher li fl-aħħar stembħu u taw każna.
Dan għaliex grupp sabiħ ta’ NGOs ingħaqdu u ħarġu kundanna għal dan l-iżvilupp mostruż li se jsir fuq Kemmuna. Iżda oħroġ il-għaġeb ma’ dawn l-NGOs m’hemmx ir-Repubblichini. Imbasta jippretendu li huma l-paladini tas-saltna tad-dritt!
Imbasta il-Viċi-President tagħhom tiffanfra bil-Kummissjoni Ambjent fi ħdan il-Kurja fejn taħdem hi! Imma għax il-proġett ġie f’idejn il-familja Hili, pampaluni kbar tal-eks-Ministru Austin Gatt, allura baqgħu ma fetħux ħalqhom. Infakkar li t-tifel ta’ dan il-ministru kien imexxi l-media tal-knisja! Imbagħad għax il-Knisja taħt Scicluna qed titlef il-kredibilita’.
Ara kieku l-lukanda fuq Kemmuna kienet għadha f’idejn il-Grupp Tumas, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt! Kieku kienu jagħmlu agħar milli għamlu meta ħarġu jipprotestaw kontra l-proġett tal-eks-ITS jew il-proġetti ta’ Joseph Portelli. Imma meta l-iżvilupp ikun tal-Hilijiet jew tal-Pisanijiet, allura hemm l-anqas ħoss ta’ labra taqa’ fl-art ma tisma’ minn għandhom. X’ipokrezija ta’ nies!

U fil-Partit Nazzjonalista, se jiftaħ ħalqu xi ħadd? Il-kelliema favur l-ambjent fejnhom? Nassumu li issa ta’ Hili reġgħu bdew jippompjaw id-donazzjonijiet lill-istess Partit Nazzjonalista, peress li fi żmien Adrian Delia kienu waqfuhom. Imma meta kien hemm Adrian Delia dawn ta’ Hili ma tħallewx jagħmlu li jridu u kien waqfilhom! Issa wieħed jibda’ jifhem għala l-Blue Heroes, ir-Repubblichini u l-media tal-arċisqof Scicluna kienu ngħaqdu flimkien, ma’ media oħrajn, u ħadmu kontra Adrian Delia biex ittajru!!!