Bernard Grech jagħmel reshuffle u jħalli barra d-dikasteru dwar il-ħajja

Bernard Grech għamel reshuffle u reġa’ daħħal lil Mario de Marco, Carm Mifsud Bonnici u anki lil Chris Said bħala parti mit-tim Nazzjonalista li jagħmel shadowing fuq il-Partit Laburista. Li daħħal lil dawn it-tlieta bħala parti mix-Shadow cabinet huwa tajjeb.

Skont il-One, dan ir-reshuffle sar taħt pressjoni ta’ Beppe Fenech Adami. Jien naħseb li kien xi ħadd ieħor warajh imma mhux importanti min kien hemm warajh. L-anqas ser ngħid li dan ir-reshuffle juri djufija politika ta’ Bernard Grech għaliex kellu jibla’ kliemu u wara li neħħa lil dawn it-tlieta kellu jerġa’ jdaħħalhom lura. Fuq kollox, Grech kellu jdaħħal lill-qodma u jagħtihom xi ħaġa ta’ sustanza. Induna li dan il-partit ma setax ikompli mixi b’nies mingħajr esperjenza.

Wieħed jista’ jgħid li lil Carm Mifsud Bonnici ma tahx xi dikasteru li ser iġieblu voti imma trid persuna tal-affarijiet tiegħu u jaf l-affarijiet biex imexxi r-reformi kostituzzjonali għan-naħa tal-oppożizzjoni.

Imma dak li mhux qed jingħad huwa li f’dan ir-reshuffle reġa’ għal darba oħra ma ddaħħalx deputat Nazzjonalista li hu l-kelliemi favur il-ħajja. Dan id-dikasteru kien jeżisti fix-Shadow Cabinet ta’ Adrian Delia. Infakkar li r-Repubblichini għajjutati mill-media tal-Knisja ta’ Scicluna kienu ħadmu biex ineħħuh u l-ewwel ħaġa li għamel Bernard Grech kienet li neħħa dan id-dikasteru minn fost il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista. Ara hemmhekk, il-media tal-knisja kattolika kienet kuntenta. Wieħed jifhem għala r-Repubblichini mhux qed jitkellmu kontra l-abort.

Imma hawn fejn għandu raġun Edwin Vassallo fl-artikli li qed jikteb għal dan is-sit. Vassallo qed iwissi lill-PN li għandu jkun kontra l-abort b’konvinzjoni u mhux b’konvenjenza. Il-fatt li Bernard Grech għamel reshuffle u ma daħħalx kelliem biex ikun favur il-ħajja juri li l-PN mhux verament jemmen f’dak li jgħid u qed juża l-abort għall-konvenjenza politika biss.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *