Sena deċiżiva għall-kap tal-Oppożizzjoni fejn fiha ser titkompla t-triq biex ikun imbuttat kap ieħor minfloku
Minn qarrej ta dan is sit
Matul din is-sena, hu mistenni li jintensifika ruħu l-pjan tal-klikka tal-PN biex Bernard Grech jwettaq il-missjoni li għaliha tpoġġa kap, dik li jieħu fuqu t-telfiet tal-PN fl-elezzjoni ġenerali 2022 u kull disfatta li tiġi wara, sal-elezzjonijiet tal-MEPs ta’ 2024.
Min jaf il-klikka kif taħdem, kien jaf li dawn qatt ma kellhom fiduċja f’Bernard Grech. Riedu biss avukat li fuq t-televizjoni jikkonvinċi t-tesserati jneħħu lil Adrian Delia u li mbagħad ibaxxi rasu għal li jgħidu huma. L-iskop tal-pjan dejjem kien wieħed; li l-klikka tieħu lura l-PN f’idejha biex imbagħad jiġi assigurat li deputati tagħha jerġgħu jiġu eletti fil-Parlament.
Il-pjan kien ukoll li jinqerdu, bi strateġiji interni u gambetti, dawk id-deputati u kandidati li ma baxxewx rashom għall-klikka. B’dan il-PN tilef aktar talent u voti.
Iżda din l-istorja mhix l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-istorja riċenti tal-PN.
Meta l-PN ried ineħħi lil Ġorġ Borg Olivier, ingħaqdet klikka u beda operat intern għall-kap suċċessur. Bosta kienu ħasbu li Guido de Marco kien kap denju imma l-klikka ta’ poter fil-PN rawmu u bnew lil Eddie Fenech Adami. L-istorja dak iż-żmien tat raġun lil din l-għażla.
Il-problemi kbar tal-PN bdew pero’ meta Eddie irtira minn Kap u klikka qrib tiegħu baqgħet tmexxi lill-PN. Baqgħu wkoll irawmu politiċi iżgħar biex iwettqu l-manuvri tagħhom waqt li ma jidhrux huma. Din hija s-susa li ilha tiekol lill-PN minn ġewwa u żżommu ostaġġ tiegħu nnifsu.
Minn qabel ma rtira Eddie minn Kap tal-PN, din il-klikka kienet diġa’ bniet u daħħlet f’moħħ in-Nazzjonalisti li l-kap suċċessur denju ta’ Eddie kien Lawrence Gonzi. Fil-fatt Gonzi rebaħ it-tellieqa għall-Kap.
Lawrence Gonzi rikeb fuq l-power of incumbancy tal-Gvern u rebaħ bi żbrixx l-elezzjoni tal-2008, iżda qatt ma ġab riżultati eċċellenti għall-PN, anzi kien tilef diversi elezzjonijiet tal-Kunsilli u l-MEPs. Parti minn dan ħabba pariri tal-establishment fosthom li wara elezzjoni bħal tal-2008 fejn kien hemm s-sinjali kollha li l-PN wasal biex jinżel mill-poter, ħatar kabinett żgħir u ħoloq problemi interni kbar għalih nnifsu.
Gonzi ma għarafx jindokra u jkattar t-talent żagħżugħ u ġdid. Spiċċa waqa’ fin-nassa li jieħu pariri tal-klikka li flok l-interessi tal-PN kellhom l-ewwel u qabel kollox l-interess li jibqgħu jmexxu huma, bis-saħħa kollha, lill-PN. Ir-riżultat tal-2013 imbagħad wassal lil Gonzi biex jirrealizza li żmienu bħala Kap kien wasal fi tmiemu. Imma għall-klikka, le.
Bħal fi żmien Eddie, il-Kap li kellu jkun suċċessur ta’ Lawrence Gonzi kien ilu magħżul u jiġi preżentat bħala l-Kap li jmiss. Waqt li Gonzi kien għadu Kap, il-klikka kienet bdiet tibni lil Simon Busuttil biex jekk Gonzi jitlef l-elezzjoni, jiskatta pjan biex il-kap ikun wieħed minn tagħhom.
Tant kien ilu jinħema l-pjan li ftit xhur qabel l-elezzjoni tal-2013, kien tneħħa bil-pulit Tonio Borg minn Viċi-Kap u nħolqot kampanja madwar Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. Iżda mat-telfa tal-2013, Simon Busuttil kien tilef xi ftit mill-popolarita’ tiegħu, imma kien ħa d-deċiżjoni li joħroġ għall-kap. Dak iż-żmien, il-kap tal-PN kien jintgħażel mill-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali biss.
Is-surveys pubbliċi kollha bdew jippuntaw li t-tesserati kienu jippreferu lil Mario de Marco bħala Kap ġdid tal-PN. Dan kien qajjem paniku fil-klikka, anki jekk Mario de Marco kellu kontrih ir-rabja tan-Nazzjonalisti minħabba l-mod kif ħalla lill-MEPA tfarrak lill-istess Nazzjonalisti. B’hekk ma kienx diffiċli biex il-Kunsilliera jivvuttaw għal Simon Busuttil.
Biex itaffu id-diżappunt tat-tesserati wara telfa elettorali bħal dik, kienu ħabbru fil-kampanja ta’ Busuttil li jekk jiġi elett Kap Simon Busuttil, kien se jbiddel l-istatut u jagħti vot lit-tesserati għall-elezzjonijiet ta’ Kap li jsiru fi snin ta’ wara. Din l-proposta kienet ukoll ġiet imsemmija fir-rapport tat-telfa. Meta Simon Busuttil sar kap kien għamilha imma għal tal-klikka, din kienet konvenzjenza tal-mument tant li wara xi snin, persuni bħal Louis Galea, kienu tkellmu kontra tagħha.
Fl-2017, Busuttil tilef telfa oħra storika agħar minn tal-predeċessur tiegħu. Imbagħad mill-ewwel ħabbar li se jirriżenja minn kap. Mill-ewwel ukoll kien ħabbar li se jikkontesta t-tellieqa għall-kap, Adrian Delia. Hemm beda nkwiet kbir għall-klikka.
Mill-ewwel, il-klikka bdiet tiżżufjetta b’Adrian Delia. Imma din id-darba, nibtu żewġ problemi kbar għall-klikka.
L-ewwel li kienu se jivvuttaw t-tesserati u allura kellhom inqas kontroll biex jimmanuvraw l-vot fejn iridu huma u t-tieni li d-deputat li kien fadal minn fosthom għal Kap suċċessur ta’ Simon Busuttil kien Chris Said.
Kien ġara iżda li Chris Said għamel żmien Segretarju Ġenerali taħt Simon Busuttil u dawn ma kienux baqgħu jaraw għajn m’għajn. Tant li Busuttil kien ħadem biex Chris Said jitneħħa minn Segretarju Ġenerali u tinġib minfloku l-kuġina ta’ Karol Aqulina, Rosette Thake. B’hekk kien sar dejjem aktar faċli l-kontroll tal-klikka.
Imma b’Simon Busuttil ma jridx jaħdem biex Chris Said isir kap, il-klikka bejniethom inqasmu. Kien hemm dawk li bdew jimbuttaw lil Chris Said u dawk qrib Simon Busuttil li ħarġu lil Alex Perici Calascione (mhux għax kienu jaraw fih xi talent ta’ tmexxija imma għax kien – u għadu – jobdihom). B’hekk il-vot tal-klikka inqasam fi tnejn bil-konsegwenza li dawk li ma riedux kap tal-establishment issuperaw l-vot ta’ kull porzjon tal-klikka. Fil-fatt rebaħ Adrian Delia.
Sa mill-ewwel jiem ta’ Adrian Delia, il-klikka bdiet pjan li jkissruh minn kull lat. Ma setax iseħħ li jmorru għall-elezzjoni ġenerali b’Adrian Delia bħala Kap għax dak kien se jfisser li tinqered l-klikka u l-PN jibda triq ġdida li tant kellu bżonn.
Naqra, naqra u kuljum bdew inaqqrulu kull ċans li jġib riżultati pożittivi għall-PN.
Imbagħad seħħ dak li ħadmu għalih il-klikka biex isalvaw posthom u xi siġġijiet Parlamentari tagħhom. Bdew ixewxu lill-kunsilliera u tesserati li b’Delia il-PN għandu telfa ċara fl-elezzjoni ġenerali 2022 u hemm bżonn elezzjoni ta’ kap ġdid.
Issa tal-klikka kienu ntebħu li ma jistgħux jippreżentaw aktar minn kandidat wieħed għall-kap inkella jerġa’ jiġri kif ġara b’Perici Calascione u Chris Said u l-vot ta’ dawk li jagħmlu kif tgħid il-klikka jinqasam fi tnejn u jerġa’ jirbħilhom Delia. Biex iniżżluh, il-pjan dejjem kien li jippreżentaw kandidat wieħed. Intgħażel Bernard Grech.
Grech kien il-magħżul għax fost t-tesserati kienu jarawh bħala Kap li jgħoġobhom. Kien joffri argumenti li jgħoġbuhom fuq Xarabank u Net TV. Lil hinn minn dan ma kellux nitfa esperjenza jew profil politiku. Tal-klikka qatt ma rawh bħala talent iżda bħala feles. Minħabba l-preżenza frekwenti tiegħu fuq t-TV, din għamlitu l-kap li kellhom bżonn jużaw, dak li jippreżentawh bħala alternativa tajba għal Delia mat-tesserati.
Madankollu ma setgħux jgħidu lill-kunsilliera l-pjan tagħhom qabel dawn jivvutaw li jridu elezzjoni għall-kap ġdid.
Allura il-pjan kien li biex l-kunsilliera jivvuttaw ħalli ssir elezzjoni ta’ kap ġdid, qalulhom li hemm interessati għal Kap. Dawn kienu Roberta Metsola, Mark Anthony Sammut, Bernard Grech u Alex Perici Calascione. B’hekk ġabu kemm felħu voti magħhom minn fazzjonijiet differenti biex jivvutaw għall-elezzjoni ta’ kap ġdid.
Issa ilu minn wara l-elezzjoni li għaddiet, li beda jinħema pjan biex Bernard Grech ma jkollhux appoġġ u għajnuna biex ma jmurx tajjeb fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli u MEPs.
Għal tal-klikka komdi jibqgħu MEPs Roberta Metsola u David Casa li huma lealissimi lejhom. Hu ċar li Metsola ser tmur tajjeb fl-elezzjonijiet Ewropej anki jekk din l-istorja tal-abort dgħajfet xi ftit il-profil tagħha. Mark Anthony Sammut qiegħed kwiet għal kollox fuq din il-kwistjoni, biex la jfuħ u l-anqas jintenn meta jasal il-waqt u ħadd ma jkollu x’isemmiegħlu kif ser ikollha Metsola jekk tiddeċidi li toħroġ għall-kap tal-PN.
Dak li hu ċar li matul din is-sena, il-klikka ser tkun qed taħdem biex teħles minn Bernard Grech. Imsomma tkompli tħejji t-triq għall-mulej il-ġdid tal-PN. Il-problema tagħha hija lil min ser timbotta għaliex din l-istorja tal-abort ħarbtet xi ftit l-istrateġija tagħha. B’hekk għandha interess daqs u aktar minn Robert Abela li dan il-kapitlu ta’ din il-famuża emenda li vvinta Robert Abela jintesa kemm jista’ jkun malajr. L-istorja tgħallem li tra due litiganti il terzo gode, jew bejn żewġ ġellieda, jiġifieri Metsola u Mark Anthony Sammut, it-tielet jerbaħ. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Minn ser ikun it-tielet wieħed? Din hija l-ikbar sfida li għandha llum il-klikka li ma terġax tiġi fl-istess sitwazzjoni li ġiet meta ħarġilhom Adrian Delia peress li hu rebaħ għaliex kienu maqsuma bejn Chris Said u Alex Perici Calascione.
Sadanittant, il-wirt ta’ Grech għad ikun wieħed fl-istorja, dak li ħalla lilu nnifsu jintuża mill-klikka ħalli jeqirdu kull talent u lil kull min seta’ jagħmel l-veru bidla, biex kull ma jmur l-PN qed jibqa’ jsir mera tal-klikka u jikber fl-irrevalanza tiegħu ma’ diversi setturi tas-soċjeta’. L-uniku triq li fadallu Grech biex ifarrak jew aħjar jirkupra minn din l-immaġni, huwa li jara li dak li ser jintgħażel warajh, jintgħażel b’għażla mill-aktar demokratika u mhux grazzi għall-maniġġi biżantineski min-nies tal-klikka.
Telfit li-ilaqqat partit ilaqqathom il-partit kollu inkluzi dawk fit-tmexxija li ma jidrux.