Il-PN ma għandu qatt jasal f’kompromess mal-Gvern fuq l-ebda eċċezzjoni biex biha jiddaħħal l-abort f’pajjiżna

Minn Edwin Vassallo

1. Ilbieraħ, il-media, qaltilna li l-għaqdiet kontra l-abort ma laqgħux l-emendi li qed joffri l-gvern għal-liġi li biha jrid idaħħal l-abort f’pajjiżna. Il-media ħabbret li d-deputat Prim Ministru qed jaħseb biex iressaq emendi għal-liġi li jrid jgħaddi biex biha jdaħħal l-abort. B’dan l-egħmil, il-gvern qiegħed biss jilgħab għall-gallarija, waqt li qed jammetti li l-emenda kif proposta oriġinarjament kienet ser twassal għall-abort għaliex kieku ma kienx jipprova jdaħħal dawn l-emendi jew kjariċi. Imma l-fatt jibqa’ li dawn l-emendi li qed iħabbar id-deputat Prim Ministru, huma maħsuba biss bħala PR exercise. Bihom ser jipprova juri lin-nies, b’mod partikolari lil dawk il-Laburisti li huma kontra l-abort, li mhux veru jrid jdaħħal l-abort. Pero’ dak li qed jiġi propost ma jfisser xejn. Għal min irid l-abort, xorta ser ikollu ċ-ċans juża l-eċċezzjoni biex jagħmel l-abort. F’din il-liġi, l-aktar li ser jiddetermina jekk isirx l-abort, huwa l-eċċezzjonijiet li ma għandhom x’jaqsmu xejn mas-saħħa tal-omm. Dak li tkellem dwaru id-deputat Prim Ministru mhux ser jżomm lura milli jsir l-abort minn min irid finalment iwettqu. Mela fis-sustanza, dawn l-emendi ma ser jbiddel xejn.

2. Mela bħal Ministru tal-Ġustizzja, id-deputat Prim Ministru qed jaċċetta li l-eċċezzjoni li ressaq hu stess bħala Gvern, tista’ toħloq abbuż mit-tobba u l-ommijiet, meta jkun hemm qbil bejnithom li jiddeterminaw li jwaqqfu t-twelid ta’ tarbija sa ftit tal-ħin qabel l-istess twelid.

3. Ta’ min jinnota li d-Deputat Prim Ministru qed juża l-kelma “fetu”, iżda dan il-logħob bil-kliem juri kemm dan il-Gvern huwa konxju li dawn l-emendi ser jwasslu għall-abort. Għalhekk qed juża din il-kelma biex bħal donnu jnaqqas is-sens ta’ ħtija. Fuq kollox mhux id-deputat Prim Ministru biss qed isejjaħlu fetu. Il-kelliema tal-Gvern qed jirreferu għall-kelma “fetu” u mhux tarbija fil-ġuf meta qed jitkellmu fuq dan is-suġġett. Dan kollu logħob bil-kliem li qed jużawh biex inaqqsu d-dannu politiku li din il-kwistjoni tal-abort qed toħloq lil dan il-gvern. Il-fetu, bħal embrijun, huwa stadju fil-ħajja tal-iżvilupp tal-persuna umana. Meta qiegħed jiġi maqtul embrijun jew fetu, huwa l-istess bħal meta tiġi maqtula tarbija. Il-fetu huwa persuna umana. Il-fetu huwa persuna ħajja. Tant kemm huwa ħaj li hemm min ikun irid jabortih għaliex ma jkunx irid jaċċetta din il-ħajja ġdida f’ħajtu.

4. Il-fatt jibqa’ li bil-mod ta’ kif ivvota l-grupp parlamentari Laburista s’issa fuq din l-emenda, nistgħu ngħidu li nfetaħ il-bieb għall-abort. Li jonqos ikun deċiż x’eċċezzjoni ser tinkiteb f’din il-liġi. Issa hemm qbil mill-istess gvern li din l-eċċezzjoni tiegħu tista’ tintuża biex permezz tagħha jsir l-abort. B’hekk irid jerġa’ jmur biex jagħti interpretazzjoni oħra għal din l-eċċezzjoni. Il-biża’ tiegħi huwa li jekk jintlaħaq kompromess fuq kliem tal-eċċezzjoni, il-bieb għall-abort ikun infetaħ min dawk li jkunu parti minn dan il-kompromess. Din hija responsabbilita’ kbira fuq il-President ta’ Malta u l-PN. Jekk jilħqu kompromess mal-Gvern, huma jkunu kompliċi fid-dħul tal-abort f’pajjiżna.

5. Jekk il-Gvern irid jipperswadi lill-pajjiż li verament ma jridx li l-abort jidħol f’pajjiżna, kull ma għandu jagħmel huwa li jirtira dan l-abbozz. Jekk verament id-Deputat Prim Ministru għandu fiduċja fit-tobba, għandu jħalli f’idejn it-tobba u r-responsabbilita’ tagħhom kif kien qed jiġri s’issa. Din hija liġi inutli li lanqas mandat elettorali ma għandu dan il-gvern għalija. Dan il-fatt waħdu qed joħloq kriżi ta’ kredibilita’ fil-gvern. Bir-raġun ngħid li f’pajjiżna qed jiddaħħal l-abort b’riżultat ta’ gidba.

One thought on “Il-PN ma għandu qatt jasal f’kompromess mal-Gvern fuq l-ebda eċċezzjoni biex biha jiddaħħal l-abort f’pajjiżna

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *