Għandha dritt persuna toqtol lil persuna oħra għax tkun il-kaġun ta’ dipressjoni?

Minn John Spiteri Gingell

Għandha dritt mara toqtol lil żewġha għax qabbadha dipressjoni u minħabba fih tinsab fi stat suwiċidjali? Għandu dritt iben joqtol lil missieru anzjan u marid għax biex jieħu ħsiebu qed taffetwalu s-saħħa mentali b’mod gravi? Hawn mhux qed ngħid għal nies li jivvintaw is-sintomi biex jilħqu xi skop ulterjuri, iżda nies li ġenwinament ikunu qed jsofru minn dak li qed jgħidu, nies li kumitat ta’ tliet esperti mediċi jikkonfermaw li verament dawn qed ibatu minn problemi gravi ta’ saħħa mentali.

Ċert li kulħadd jaqbel, li anki f’każ ċertifikat mill-esperti, ħadd m’għandu dritt joqtol lil ħaddieħor għax huwa sempliċiment il-kaġun ta’ problemi ta’ saħħa mentali ta’ ħaddieħor.

Naħseb li kulħadd jaqbel li tali bord ta’ esperti mentri li għandu kull kompetenza li jikkonferma li l-persuna ġenwinament tkun qed issofri minn problemi ta’ saħħa mentali gravi m’għandu jkollu l-ebda jedd li jiddeċiedi li għandha tinqatel it-terza persuna bħala rimedju għall-problemi tal-pazjent! Ċert li kulħadd jaqbel li hemm alternattivi aħjar.

Mela għalfejn qed nużaw kejl ieħor mat-trabi? U hawn mhux qed nitkellem fuq trabi li għadhom fi stat bikri tal-iżvilupp tagħhom, fejn hawn minn jinsisti (kontra dak li tipprova x-xjenza) li m’humiex bnedmin għax għadhom sempliċiment ‘erba’ ċelloli’ iżda l-qtil tat-trabi li kapaċi jgħixu indipendentement jekk jiġu evakwati mill-ġuf – aħseb u ara lejliet it-twelid.

Il-Għala?

X’inhi r-raġuni eżatta? – jekk bir-raġun kollu ma naċċettawx dan l-aġir ma min hu adult għalfejn ser naċċettawh mat-trabi? Jekk ilkoll naqblu li billi noqtlu persuna oħra m’aħna ser insolvu xejn, fejn jinvolvi lil dawk li twieldu kif allura hawn min jaħseb li din hija soluzzjoni aċċettabbli fejn jidħlu t-trabi? Għax għad m’għandhomx isem? Għax għad m’għandhomx vot? Għax għandna ma smajnihomx ilissnu l-kelma ‘ma’? għalfejn?

Għax m’hemmx ġustifikazzjoni loġika – trid tkun tassew skizzofreniku sabiex tkun kontra il-qtil ta’ persuna li jaf ikun volontarjament qed jagħmillek saħħtek u ħajtek miżerja u favur il-qtil ta’ persuna oħra li ma taħti għalxejn ħlief li sempliċement teżisti.

Nafu x’qed nagħmlu? Nafu xi preċedenti qed noħolqu? Kapaċi naħsbu? Għad għandna kuxjenza? Jew lesti niġġustifikaw kollox anki dak li huwa kontradittorju sempliċiment biex tgħaddi tagħna?

Però kunu afu – kollox fid-dinja għandu konsegwenza – u soċjetà li taċċetta li l-qtil tat-trabi bħala soluzzjoni għal kwistjonijiet ta’ saħħa mentali gravi mhix ser tieqaf hemm. Soċjetà li taħseb li t-tqala hija marda u l-mewt huwa kura hija soċjetà li hija marida b’mod terminali. Tali soċjetà li taċċetta anki l-aktar raġunament assurd m’hu ser ikollha l-ebda difiża meta l-ġustifikazzjoni titwessa’ mit-trabi għall-adulti.

U jekk soċjetà lesta taċċetta l-preċedent li noqtlu t-trabi innoċenti bħala kura għas-saħħa mentali xi jżommha milli tavvanza biex toqtol lil min trid, saħansitra lilek meta xi ħadd iqisek bħala inkonvenjenza?

La darba tbexxaq il-bieb, x’garanzija għandek x’ser jidħol?

La darba qbadt it-triq tan-niżla x’garanzija għandek li ser tieqaf nofs triq?

L-argumenti għall-emendi tal-liġi li biha jridu jeqirdu t-trabi għar-raġunijiet ta’ saħħa mentali ma jreġux – huma loġikament fażulli – għax argument għandu jkun koerenti u japplika dejjem – u ma jiddependix jekk persuna għadx għandha ftit xhur jew tmenin sena.

U allura hawn għandna gidba, u wieħed irid tassew jirrifletti x’inhuma l-iskopijiet ulterjuri wara din il-gidba. Huwa minnu li dan kollu huwa intenzjonat biex jissalvagwardja s-saħħa tal-mara? Jew l-appell emozzjonali għas-saħħa tal-mara (għax ħadd ma jrid jara l-ħadd ieħor isofri) hija sempliċiment għodda sabiex f’Malta ndaħħlu l-aktar liġi estrema tal-abort, liġi li tmur oltre mill-liġijiet l-oħra fl-Ewropa fl-ambigwità u l-permessibbiltà tagħha sabiex nakkwistaw suq ġdid? Sabiex nisa fi stadju fejn taħt il-liġijiet  f’pajjiżhom ma jkunux jistgħu jagħmlu l-abort, jkunu jistgħu jiġu jagħmluh hawn?

Nitlob li għad hawn biżżejjed nies f’dan il-pajjiż li kapaċi jirraġunaw u jirriflettu, nies li għad fadlilhom kuxjenza u nies li fuq kollox għad għandhom spina biex il-ħażin isejħulu b’ismu u mhux joqgħodu jipprovaw jiġġustifikawh għax fil-mument hekk jaqblilhom.

Dan jaf ikun preċedent ikrah – preċedent li ser jiftaħ il-bieb għall-affarijiet oħra – preċedent li anki jekk l-effetti tiegħu mhux qed tarahom illum ser jaffettwaw lilek ukoll – għax dik hija n-natura ta’ preċedent. Alla tak moħħ biex taħseb u kuxjenza biex tirrifletti; użahom qabel ma niftħu l-bieb beraħ għall-mewt, għax la darba jinfetaħ, taħsibx li ser tkun kapaċi twaqqaf x’ser jidħol minnu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *