Ir-Reżoluzzjoni tal-Partit Nazzjonalista: il-PN irid jirritorna lejn l-għeruq Konservattivi u DemoKristjani tiegħu.
Minn osservatur politiku
Tgħid il-Partit Nazzjonalista ser jagħmel xi riżoluzzjoni tal-ewwel tas-sena? Tgħid se jipprova jwiegħed xi ħaġa biex jipprova jintgħoġob mal-elettorat u jibda’ jirkupra mis-sitwazzjoni terribbli li jinsab fiha? Jekk wieħed jista’ jissuġġerixxi xi ħaġa, forsi għandu jgħid lit-tmexxija tal-partit biex ikunu ħafna iżjed veritieri fid-diskorsi tagħhom mal-poplu Malti u Għawdxi. Ma jistax ikun li fis-sena l-ġdida, Bernard Grech u l-akkolti kollha tiegħu, jibqgħu joffru u-turns lill-poplu Malti.
Ma jistax ikun li l-ewwel inpaċpċu imbagħad niddiskutu u b’hekk ikollu jinqaleb l-atteġġjament u r-raġunament. Kellna wisq okkażjonijiet bħal dawn fis-sena 2022. Mela r-riżoluzzjoni għandha tkun li nxerrdu argumenti veritieri u ma jkunx hemm bżonn li fuq kull suġġett dan il-partit ikollu jdoqq l-irtirata. Imma biex jagħmel riżoluzzjoni bħal din il-Partit Nazzjonalista jrid ikun hemm aktar diskussjoni sinċiera internament. Hemm bżonn ta’ grupp parlamentari aktar kompatt u inqas liberali. Hemm bżonn ta’ aktar konsultazzjoni u l-partit irid jibda jifhem xi jrid il-poplu u mhux xi burokratiku ġewwa Brussel. Hemm bżonn ta’ grupp parlamentari aktar kompatt u li jkun ta’ kelma soda. Hemm bżonn aktar diskorsi li jirriflettu l-għaqda fost il-grupp parlamentari. Ma jistax ikun li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ tpoġġi fuq quddiem il-ħsibijiet personali flok l-opinjoni diskussa. Fuq kollox, dan għandu jkun partit li jirrifletti verament il-ħsibijiet tat-tesserati tiegħu. Kif kienu jgħidu l-Latini, Vox popoli, vox Dei.
Is-sena 2022 kellha ħafna tagħlimiet għall-Partit Nazzjonalista. L-ikbar tagħlima ħadha bir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali u dak kollu li ġabet magħha din it-telfa. Imma biex titgħallem xi ħaġa mill-esperjenza li tkun għaddejt minnha trid tkun umli u tkun lest ukoll li titgħallem mill-iżbalji li tkun għamilt. Ma jistax ikun li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista tkompli tinbidel għax wara xi stqarrija jew oħra ssir ir-riflessjoni neċessarja, meta jkun diġa’ ntqalet il-pożizzjoni u xi drabi din kienet tkun kontra dak li jkunu jixtiequ l-maġġoranza tat-tesserati.
Jekk jintrabat ma’ din ir-riżoluzzjoni l-Partit Nazzjonalista jkollu jirrifletti sew fuq il-politika jew pożizzjoni tiegħu. Ikollu jiddiskuti ma’ dawk kollha interessati. Ikun irid jagħmel diskussjoni miftuħa fil-partit stess. B’hekk meta jiftaħ ħalqu jkun diġa’ poġġa l-argumentazzjoni tiegħu kollha mas-setturi rispettivi u meta jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu, jkun għamel hekk wara li jkun eżawrixxa d-diskussjoni ma’ kulħadd.
Din ir-riżoluzzjoni tista’ tiftaħlu t-triq għall-politika aktar ċara, aktar determinata u aktar effettiva. Din ir-riżoluzzjoni tpoġġih f’ambjent aktar seren u ma jkunx hemm sorprisa ta’ bdiel ta’ ħsieb wara ftit siegħat li tkun saret xi dikjarazzjoni. Il-partitarji għandhom bżonn dan is-serħan il-moħħ li ma jkunx hemm aktar bdil ta’ ħsieb, u-turns fuq il-politika mħaddna. Fi kliem ieħor, il-PN irid jirritorna lejn l-għeruq konservattivi u DemoKristjani tiegħu.
B’hekk biss jista’ jiggarantixxi l-futur tiegħu. B’din ir-riżoluzzjoni, il-Partit Nazzjonalista jkun qed jikkonferma li tgħallem minn dawk l-iżbalji li saru matul is-sena ta’ qabel.